Internazzjonali

It-Turkija akkużata dwar aġir simili għall-Ġermanja tal-Lvant komunista

Il-Ministru tal-Finanzi tal-Ġermanja, Wolfgang Schaeuble, kien ikkwotat fis-sens li qabbel lit-Turkija mal-eks-Ġermanja tal-Lvant komunista. Fil-fatt, il-Ministru qal li Berlin jista’ jkollu javża lill-Ġermaniżi li qed jivvjaġġaw lejn it-Turkija li ‘huma qegħdin jagħmlu dan taħt element ta’ sogru’.

Is-servizzi tas-sigurtà Ġermaniżi rreferew għal tħassib rigward żieda fl-attivitajiet tas-servizzi sigrieti Torok u l-iżvilupp ta’ gruppi militanti fost it-tliet miljun resident, ta’ nisel Tork, li qegħdin jgħixu fil-Ġermanja.

Il-Ministru Schaeuble tenna li ‘it-Turkija, illum, qed tagħmel l-arresti arbitrarji u mgħadhiex iżżomm mal-minimu ta’ kriterji konsulari – l-istess bħalma kienu l-affarijiet fit-territorji tal-eks-Ġermanja komunista’ Hu fakkar li n-nies li, snin ilu, ivvjaġġaw lejn l-eks-Ġermanja tal-Lvant qabel ikkrolla l-Istat komunista ( fl-1990) kienu jafu li ‘f’każ li jiġrilhom xi ħaġa ma kien hemm ħadd li seta’ jgħinhom.

Uffiċjali Ġermaniżi, fl-aħħar jiem, ilmentaw li ma kellhomx aċċess konsulari sħiħ għal attivist Ġermaniż tad-drittijiet umani li, fit-Turkija, spiċċa arrestat ma’ ħamsa oħra fost akkużi dwar ‘terroriżmu’ – bl-awtoritajiet f’Berlin jiċħdu l-allegazzjoni bħala ‘assurda’.