Atletika Sport

ATLETIKA – Rebħa għal Bolt f’Monaco

It-tmien darbiet champion Olimpiku Usain Bolt beda jżid fir-ritmu hekk kif qed joqorbu l-Kampjonati Mondjali tal-Atletika. Dan hekk kif tard il-Ġimgħa filgħaxija hu rebaħ il-finali tal-100 metru fid-Diamond League f’Monaco.

Hu mhux biss spiċċa l-ewwel imma għall-ewwel darba din is-sena għamel id-distanza f’inqas minn 10 sekondi. Bolt, li għandu 30 sena għamel il-100 metru f’ħin ta’ 9.95’ biex għeleb lill-Amerikan Isiah Young li għamel ħin ta’ 9.98’ filwaqt li fit-tielet post daħal l-atleta mill-Afrika t’Isfel Akani Simbine li għamel ħin ta’ 10.02’.

Il-Kampjonat Mondjali tal-Atletika se jsiru f’Londra u jibdew fl-4 ta’ Awwissu u l-atleta Ġamajkan se jkun qed itemm il-karriera tiegħu bis-sehem tiegħu f’din il-kompetizzjoni. Bla dubju t-tellieqa tal-Ġimgħa filgħaxija kienet l-aktar waħda diffiċli li kellu Bolt sa minn meta rebaħ żewġ midalji tad-deheb waqt l-Olimpjadi ta’ Rio li saru fl-2016.

Xahar ilu hu kien rebaħ ukoll fid-Diamond League f’Ostrava imma dakinhar kien għamel ħin ta’ 10.06’ u issa wera li qed iżid fil-veloċità hekk kif għamel ħin aħjar.