Sport Sport Ieħor

ĊIKLIŻMU – Froome mistenni jerġa’ jirbaħ it-Tour de France

Iċ-ċiklist Brittanniku ta’ Team Sky Chris Froome hu mistenni jirbaħ it-Tour de France għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu hekk kif fl-istadju ta’ qabel tal-aħħar, spiċċa fit-tielet post f’tellieqa kontra l-ħin f’Marsilja fuq distanza ta’ 22.5 km.

It-tappa ntrebħet minn Maciej Bodnar filwaqt li fit-tieni post daħal iċ-ċiklist l-ieħor ta’ Tem Sky, Michal Kwiatkowski.

L-aħħar tappa ssir il-Ħadd u tintemm f’Champ Elysees u fi tmiem it-tappa ssir il-preżentazzjoni lir-rebbieħ li rari jkun wieħed differenti mil-lider tal-ġurnata ta’ qabel. Bħalissa Froome għandu vantaġġ ta’ 54 sekonda fuq Rigoberto Uran u hu kważi mpossibbli li jkun hemm tibdil fil-klassifika ġenerali.

Froome, li għandu 32 sena se jkun qed jirbaħ dan it-Tour għat-tielet darba konsekuttiva u dan se jkun l-aktar Tour diffiċli li jkun rebaħ għax se jkun rebħu bl-inqas distakk.