Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said ħabbar żewġ proposti ġodda għall-Partit Nazzjonalista, meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-każin ta’ Birkirkara.
Fl-ewwel proposta, Chris Said qal malli jkun elett Kap, iressaq emendi fl-istatut biex fl-elezzjoni interna ta’ sentejn oħra, is-Segretarju Ġenerali jkun elett mill-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali flok mill-Kumitat Eżekuttiv, b’Said jgħid li hu jrid li l-karigi ewlenin jiġu deċiżi mill-Kunsilliera u mhux minnu.
Fit-tieni proposta, Chris Said tkellem dwar l-uffiċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-ELCOM, u qal li mhux biss għandu jinħatar bord ta’ tmexxija mill-Eżekuttiv tal-Partit immexxi minn Direttur għall-ELCOM, iżda żied li l-immaniġġjar tad-data u s-surveys tiġi fdata lil dan l-uffiċju. Żied jgħid li l-ELCOM għandu jkollu 15-il vot fil-Kunsill Ġenerali u 3 voti fl-Eżekuttiv tal-Partit bħal ma għandhom il-fergħat.
Intant, f’kummenti ma’ NET News, Chris Said irrefera għal-laqgħa informali li saret bejn il-kandidati kollha għal Kap tal-Partit.
“Ilbieraħ kellna esperjenza sabieħa, fejn fuq stedina tiegħi, l-erba’ kontestanti għall-kariga ta’ Kap ltqajna biex nieħdu kafè flimkien. U qbilna li fis-17 ta’ Settembru għandu jkun hemm rebbieħ wieħed: il-Partit Nazzjonalista”, sostna Chris Said ma’ NET News. “Għax il-Partit Nazzjonalista, minn din l-elezzjoni għandu joħroġ aktar b’saħħtu”, temm jgħid.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Chris Said qal li jrid ipoġġi l-karti kollha fuq il-mejda u għal dan il-għan ippubblika d-dikajrazzjoni tal-assi tiegħu. Xi ħaġa li qal li se jkun kommess li jagħmel kull sena.
//= $special ?>