Ħasda għall-poplu Bormliż, hekk kif matul il-lejl li għadda persuna jew persuni mhux magħrufa wettqu serqa fil-Knisja Kolleġjata, serqa li l-valur tal-oġġetti misruqa jaqbeż it-€30,000. Ilbieraħ filgħodu mar fil-post u tkellem ma xi persuni qrib il-knisja u l-parroċċa ddedikata lill-Kunċizzjoni.
Mill-informazzjoni li ksibna mill-post kollox jindika li l-ħalliel jew ħallelin studjaw sew il-post qabel ma wettqu s-serqa. Dan hekk kif l-ewwel ma għamlu kien li telgħu fuq il-bejt tal-knisja permezz ta’ scaffolding li hemm armat mal-faċċata minħabba restawr li għaddej bħalissa. Wara li tela’ fuq sab tieqa li hemm fuq il-kor, fetaħha minn barra, rabat ħabel u dendlu m’għola tliet sulari biex niżel fil-kor tal-knisja. Dan kollu seħħ matul il-lejl u għalhekk il-ħalliel kellu ċans mhux ħażin biex iwettaq is-serqa.
Ladarba sab ruħu fil-Knisja l-ħalliel jew ħallelin bdew bil-pjan tagħhom li jisirqu oġġetti ta’ arti sagra, fetħu t-tabernaklu u serqu pissidi u ċiborju. Interessanti li kuntrarju għal dak rappurtat oriġinarjament, il-ħalliel battal il-pissidi mill-ostji u reġa’ poġġihom fit-tabernaklu.
Il-ħalliel għamel ukoll it-tentattiv tiegħu fis-sagristija fejn fetaħ ukoll armarju fejn hemmhekk sab u seraq erba’ kalċi u pissidi ieħor. Fis-Sagristija wkoll fetaħ armarju u sab u seraq labra bill-brillantini li fil-festa tkun armata mal-kwadru titulari. Interessanti wkoll li f’dan l-armarju kien hemm rikezzi oħrajn fost oħrajn relikwarji li iżda ma ntmissux.
Fil-knisja sar tentattiv ukoll fuq in-niċċa tal-vara tal-Kunċizzjoni, permezz ta’ ‘suckers’ u b’biċċa għodda li sab, il-ħalliel, prova jaqta’ biċċa mill-ħġieġa tan-niċċa biex jipprova jisraq xi fided li għandha l-vara titulari, fortunatament ma rnexxilux u għal dawk preżenti fil-knisja dan kien deskritt bħala miraklu mill-Kunċizzjoni li waqqfet lill-ħalliel milli jisraq waħda mill-għeżeż affarijiet għall-Bormliżi.
Bil-pjan jisfaxxa li jisraq il-Madonna, il-ħalliel prova wkoll isib it-triq ‘il barra u dan għamlu billi sgassa l-bieb prinċipali minn ġewwa fetħu u telaq.
Eventwalment kien għal ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħodu li s-sagristan flimkien mal-Viċi Kappilla tal-Parroċċa indunaw bis-serqa.
Mall-ewwel ġew infurmati l-pulizija tad-distrett ta’ Bormla u dawk tal-Investigazzjonijiet Kriminali kif ukoll tal-Forensika li bdew l-investigazzjonijiet. Inħatret ukoll inkjesta maġisterjali. Għal xi ħin kien hemm ukoll il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi.
Tkellimna mal-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Bormla, il-Kanonku Dun Anton Cassar, hu appella biex kull min għandu informazzjoni dwar din is-serqa jgħaddiha lill-Pulizija anke b’mod kunfidenzjali biex dawn l-oġġetti sagri jirritornaw fil-knisja ddedikata lil Maria Immakulata.
Jirriżulta li ftit tas-snin ilu l-Knisja ta’ Ħaż Żabbar kienet soffriet minn serqa simili meta ħallelin kienu daħlu fil-Knisja wara li kienu studjaw il-post u sabu li kien hemm scaffolding mall-faċċata waqt li kien għaddej xogħol ta’ restawr. Jirriżulta wkoll li ftit tax-xhur ilu jista’ jkun li ġiet sfrattata serqa simili mill-Konkattidral ta’ San Ġwann meta kienu ntlemħu xi nies fuq il-bejt tal-konkattidrali fl-istess perjodu li kien qed isir xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata.
//= $special ?>