Attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent fi stqarrija qalu li jinnutaw li bosta bajjiet madwar Malta u Għawdex ġew meħudha minn entitajiet kummerċjali li qed jimlewhom b’deckchairs u umbrellel minn filgħodu kmieni. Fil-prattika, dan qed iwassal sabiex bajjiet pubbliċi, postijiet li qegħdin hemm għat-tgawdija minn kulħadd, jinbidlu fi spazji privati għal qliegħ tal-ftit.
L-istqarrija tkompli billi tgħid li ħafna drabi n-nies mhux qed jirnexxilhom isibu post fejn jifirxu x-xugamani u jpoġġu l-umbrellel tagħhom, u mhux qed ikun hemm spazju biżżejjed fejn jilagħbu t-tfal, dan ukoll qed isservi biex il-pubbliku bilfors ikollu jagħmel użu tas-servizz privat fil-bajjiet, billi jikri l-umbrellel u d-deckchairs biex ikun komdu.
Kamp Emerġenza Ambjent saħaq li huwa kompletament inġust li ftit kumpaniji privati jagħmlu profitti kbar għas-skapitu tal-bqija tan-nies, minn fuq postijiet li suppost qegħdin hemm għat-tgawdija ta’ kulħadd.
Attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed jisħqu li l-kumpaniji għandhom iwaqqfu immedjatament dawn il-prattiċi tar-regħba li qed joħonqu l-bajjiet pubbliċi,.
Il-Kamp qed jinsisti mal-awtoritajiet ikkonċernati biex jiżguraw li d-dritt tan-nies li jgawdu dawn il-bajjiet ikun imħares.
Huma qalu li s-sitwazzjoni preżenti hija inaċċettabli u li jekk dan mhux se jinbidel għas-sewwa l-attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent se jimpenjaw ruħhom li jorganizzaw azzjonijiet diretti miċ-ċittadini sabiex jittieħdu lura l-bajjiet u jingħataw mill-ġdid lill-pubbliku.
Intant l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) flimkien ma’ membri tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit għamlu rejdf il-bajjiet ta’ madwar l-Armier fil-Mellieħa, fejn ikkonfiskaw mijiet ta’ sunbeds dan minħabba li l-operaturi fil-bajja ma kienux qed jahdmu skont il-permessi mgħotija.
//= $special ?>