Paulo Miguel Da Costa, ta’ 50 sena imwieled fil-Portugal inżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Qorti akkużat li jagħti fastidju lill-eks sieħba tiegħu.
Da Costa, li m’għandux indirizz fiss hawn Malta, kien ilu f’relazzjoni ma’ mara Maltija residenti l-Fgura għal 16-il sena iżda wara li l-mara temmet ir-relazzjoni, l-akkużat baqa’ jsegwiha għax ma riedx jaċċetta li r-relazzjoni intemmet.
“Minn Mejju ‘l hawn waqqaftu xi tliet darbiet f’każi differenti,” tenna l-Ispettur Cini li qal li Da Costa kien kapaċi jitla’ mal-gallariji u jidħol minn twieqi “bħal Spiderman” tant li kemm-il darba ħasad lill-eks sieħba tiegħu meta ssibu ma’ wiċċha għal għarrieda. Il-Prosekuzzjoni xliet ukoll lil Da Costa li kiser kundizzjonijiet ta’ police bail.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, Da Costa wieġeb mhux ħati tal-akkuża miġjuba kontrih. Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest għaliex filwaqt li jidher li mhux qed iħalli lill-mara bi kwieta, l-atteġġjament tiegħu mhux wieħed ta’ theddid u li għandu jitqies mill-Qorti meta tiddeċiedi jekk iċċaħħad jew le lill-akkużat mill-liberta’ tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba fejn sostniet li l-akkużat mhux affidabbli għaliex diġa’ kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien fil-passat. “F’każ minnhom, dan ħareġ mill-ħabs fis-6p.m. u fis-7p.m. kien wara l-bieb tad-dar tagħha fil-Fgura,” qal l-Ispettur Cini.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tar-reati li jinsab akkużat bihom u minħabba li Da Costa mhux persuna affidabbli.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-akkużat.
//= $special ?>