Wara li aktar kmieni dan ix-xahar l-Air Malta biddlet id-deċiżjoni tagħha fuq ir-rotta ta’ Frankfurt, tħabbar li l-Air Malta se terġa’ tibda ttir lejn Frankfurt minn nhar il-Ħadd 29 ta’ Ottubru, bi frekwenza ta’ erba’ darbiet fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa, il-Ġimgħa u l-Ħadd.
Wara li l-Gvern bidel il-bord u bidel iċ-Ċhairperson tal-Air Malta, fl-ewwel deċiżjoni tal-Bord il-ġdid kien tħabbar li l-Air Malta mhix se żżomm mad-deċiżjoni li kien ħa l-Bord preċedenti fi żmien l-amministrazzjoni Laburista li għaddiet.
Fl-ewwel laqgħa tal-Bord u mar-ritratt li kien ippubblikat tal-Bord il-ġdid immexxi mill-eks-Deputat Mexxej Laburista Charles Mangion, flimkien mal-Ministru l-ġdid responsabbli mill-Air Malta, Konrad Mizzi, kien tħabbar li l-Air Malta biddlet id-deċiżjoni u se terġa’ tibda bit-titjiriet lejn il-belt importanti ta’ Frankfurt.
Aktar kmieni wkoll dan ix-xahar, fil-Parlament, l-Oppożizzjoni rrimarkat li fl-ewwel ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern qiegħed jibda jattwa proposti li l-Oppożizzjoni ilha titkellem dwarhom u li l-Gvern Laburista fl-aħħar erba’ snin kien qiegħed jinjora.
Fi stqarrija ppubblikata mill-Air Malta, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi ġie kwotat li qal li l-Air Malta hija impenjata li tespandi r-rotot u l-frekwenza tat-titjiriet tagħha lejn l-ajruporti ewlenin tal-Ewropa, u Frankfurt hija importanti u li d-deċiżjoni tal-Air Malta hija konformi mal-istrateġija ta’ tkabbir tal-linja tal-ajru.
//= $special ?>