Fost l-affarijiet sagri misruqa mill-Knisja tal-Kunċizzjoni f’Bormla, matul il-lejl li għadda, hemm il-kalċi u pissidi li jidhru fir-ritratt.
F’post fuq Facebook, il-qassis Reuben Vella appella lill-pubbliku biex jekk jara dawn l-oġġetti jew oġġetti oħra sagri li jista’ jkun li nsterqu, għandu jgħaddi l-informazzjoni lill-Pulizija.
Fisser kif il-pissidi li jidher fl-ewwel ritratt jintuża biex biex fih jinżammu l-ostji konsagrati u li nsteraq vojt għaliex il-ħalliel jew ħallelin ħallew l-ostji konsagrati fit-tabernaklu.
Fit-tieni ritratt jidher il-kalċi personali ta’ Father Vella, li għandu wkoll valur sentimentali għaliex ingħata lilu mill-ġenituri fl-okkażjoni tal-ewwel quddiesa tiegħu bħala saċerdot.
Hu maħsub li f’din is-serqa mill-Knisja Kolleġjata, ittieħdu oġġetti b’valur li jaqbeż it-€30,000. Minbarra l-pissidi u l-kalċi msemmija, insterqu wkoll tliet kalċi oħra personali tas-saċerdoti, pissidi ieħor, ċiborju kif ukoll labra bill-brillantini li fil-festa tkun armata mal-kwadru titulari u li kienet għadha kif tasal lura għand il-komunità fil-lejl tas-serqa stess, wara li tlesta r-restawr fuqha.