Lokali Qorti

Tammetti li heddet żewġ gwardjani lokali b’injama

Marouska Camilleri ta’ 37 sena minn Ħaż-Żabbar illum waranofsinhar tressqet il-Qorti akkużata li lbieraħ waranofshinhar f’Birżebbugia heddet lil żewġ gwardjani lokali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

L-inċident seħħ wara li l-gwardjani lokali Noel Swain u Stavroula Grech kienu waqqfu lil Camilleri minħabba li uliedha li kienu rekbin fuq is-seat ta’ wara tal-karozza u ma kienux marbutin biċ-ċintorin tas-sigurta’ bil-konsegwenza li ħarġet għaż-żewġ gwardjani lokali u heddithom b’injama li kellha fil-karozza.

Camilleri, li taħdem bħala hairdresser, ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha u quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, skużat ruħha għal għemilha.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża u ordnat li jitħejja pre-sentencing report mill-uffiċjali tal-probation. Sadanittant, l-akkużata ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €2,000.

Il-Qorti imponiet ukoll numru ta’ kundizzjonijiet oħra fosthom li tiffirma darba fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar u li taħt ebda ċirkostanza ma tipprova tersaq jew tikkomunika mal-gwardjani lokali, minkejja li ammettiet għall-akkużi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru għal Marouska Camilleri

Tags