Dan huwa attakk kontra d-demokrazija u huwa frame-up fil-konfront tiegħi. Attakk faxxist mill-Gvern li qed jieħu azzjoni bil-pulizija kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni. Is-sitwazzjoni f’pajjiżna hi agħar minn dik li hemm fil-Polonja, fejn il-poplu qed jipprotesta fuq affarijiet li huma ferm iżgħar minn dak li qed jiġri f’pajjiżna.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervent telefoniku li għamel il-Ħadd filgħodu fuq Radio 101 b’reazzjoni għall-kwerela li għamel Keith Schembri fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li ġara f’pajjiżna jiġri biss f’pajjiż dittatorjali. Hu spjega kif ġimgħa u nofs ilu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ressaq rikors quddiem il-Maġistrat biex jiġu investigati Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar il-kwistjoni tal-Panama. Semma kif dan il-każ kien deskritt mill-kumitat PANA bħala każ ċar ta’ ħasil ta’ flus. Reat li jġib miegħu sentenza ta’ ħabs.
Simon Busuttil qal li sar dan ir-rikors għaliex taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat ma saret l-ebda tip ta’ investigazzjoni dwar dan l-ikbar skandlu politiku. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-każ ħadt ma ħa l-inizjattiva li jinvestiga la l-kumissarju u l-anqas l-avukat Ġenerali.
Il-Kap tal-PN tenna li reat li sar qabel l-elezzjoni Ġenerali għadu reat illum il-ġurnata.
Simon Busuttil qal li mhux normali li Kap tal-Oppożizzjoni jitlob lill-qorti tinvestiga, imma kellu jagħmel dan il-pass hu għax ħadd mill-awtoritajiet ma ħa l-passi meħtieġa.
Il-Kap tal-PN qal li dak li talab li jiġi investigat diġa qiegħed fil-pubbliku u għalhekk l-akkuża li Keith Schembri qal li Simon Busuttil għamel rapport falz hi bla bażi.
Keith Schembri qed jitlob lill-kummissarju tal-pulizija biex jieħu l-passi kontra l-kap tal-oppożizzjoni, l-istess kummissarju li ma investigax lill-Keith Schembri. Każ ċar ta’ kif l-għodda f’idejn il-gvern qed tintuża biex jiġu aġevolati nies qrib Muscat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu la kien jibża minn dan it-theddid u qas se jibża u bil-kontra dan se jsejjaħ il-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni. U għalhekk anke jekk mhux kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jkompli bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Dwar id-dettalji tal-kuntratt li kien ippublikat minn The Sunday Times dwar il-ftehim bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan hu każ ċar ta’ kif qed jiġi privatizzat is-settur tas-saħħa u ma nafux min hu l-veru s-sid wara l-kumpanija li qed tmexxi l-isptarijiet li kienu tal-istat. Semma wkoll kif b’mod inkredibbli l-Gvern qed iħallas 15-il miljun ewro aktar għall-istess servizz li kien joffri l-Gvern. Saħaq li għalhekk il-Ministru tas-saħħa Chris Fearne għandu jagħti spjega ċara. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għalhekk tqum ukoll il-mistoqsija dwar il-livell ta’ servizz li se jingħata u għalhekk min se jkun qed jieħu r-responsabiltà biex joffri l-aħjar servizz lill-poplu Malti.
//= $special ?>