Futbol Sport

Barcelona jegħlbu lil Juventus fil-MetLife Stadium

Neymar flmkien ma' sħabu wara li skorja l-ewwel gowl (Ritratt: EPA)

Wirja brillanti ta’ Neymar fl-ewwel taqsima, għenet lil Barcelona jegħlbu liċ-Champions Taljani Juventus 2-1 fil-MetLife Stadium f’New York, logħba valida mill-International Champions Cup.

Din il-partita kienet l-ewwel waħda tal-istaġun għaż-żewġ timijiet, biż-żewġ kowiċis jibdlu t-tim radikalment matul il-partita. Il-kowċ il-ġdid ta’ Barcelona Ernesto Valverde għażel li jibda b’Neymar, Lionel Messi u Paco Alcacer fl-attakk bi plejers bħal Andres Iniesta, Ivan Rakitic u Gerard Pique fost l-ewwel ħdax.

Il-kowċ Juventin Massimiliano Allegri fosthom beda b’Gianluigi Buffon fil-lasta, Andrea Barzagli u Mehdi Benatia fid-difiża, Sami Khedira u Claudio Marchisio fin-nofs u Mario Mandzukic fl-attakk.

Il-Katalani fetħu l-iskor mal-kwarta logħob meta Lionel Messi għadda lejn Neymar li ħabbat il-ballun ma’ Alcacer, daħal fil-kaxxa u wara li rċieva l-ballun għeleb lil Buffon b’xutt għar-rokna.

L-iskor sar 2-0 fis-26 minuta. Kien passaġġ mill-ewwel ta’ Messi lejn Neymar li b’azzjoni personali daħal fil-kaxxa u ħarbat id-difiża Juventina biex għeleb lil Buffon għat-tieni darba b’konklużjoni b’saħħitha.

Valverde biddel it-tim sħiħ fit-tieni taqsima filwaqt li Allegri għamel ħames bidliet fejn fosthom għamlu d-debutt l-akkwisti l-ġodda Mattia De Sciglio u l-gowlkiper Szczesny. Mas-siegħa logħob daħlu l-plejers offensivi Gonzalo Higuain, Paulo Dybala, Juan Cuadrado u l-akkwist il-ġdid Douglas Costa flimkien mad-difensur Alex Sandro.

Dybala ħalla l-effett mill-ewwel meta l-ewwel għadda l-ballun minn taħt saqajn Sergio Busquets, kien perikoluż b’xutt li kien imdawwar f’korner minn Ortola u mill-istess korner Juventus skorjaw. Kien il-kross mil-lemin ta’ Dybala li sab lil Giorgio Chiellini li għola minn bejn żewġ difensuri u għeleb lill-gowlkiper avversarju b’daqqa ta’ ras.

Juventus setgħu ġabu d-draw b’xutt minn pożizzjoni tajba ta’ Higuain li għadda għoli, iżda Barcelona kellhom ukoll l-azzjonijiet tagħhom, l-aktar permezz ta’ Suarez. Lejn il-minuti finali, il-kundizzjoni fiżika bdiet tagħmel tagħha bit-tim Spanjol seta’ kabbar l-iskor.