Lokali

FILMAT: 120 żagħżugħ u żagħżugħa jipparteċipaw fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Aktar minn 120 żagħżugħ u żagħżugħa qed jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, attività organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ bl-iskop li toffri esperjenza ta’ Parlament lil dawk li ‘l quddiem jaf ikunu l-Parlamentari Maltin.

Bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet, il-parteċipanti żgħażagħ li għandhom bejn it-13 u t-18-il sena attendew live-in ta’ tlett ijiem bil-għan li jkollhom iċ-ċans isiru jafu lil xulxin qabel xahrejn ta’ ħidma li jintemmu b’seduta formali fil-Parlament ta’ Malta.

Is-Sibt waranofsinhar, fost l-attivitajiet pjanati, iż-żgħażagħ kellhom żjara mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għaż-Żgħażagħ David Agius, li tkellem maż-żgħażagħ u qalilhom l-esperjenza tiegħu fil-politika. Spjegalhom l-isfidi tal-politika u kif jistgħu jużaw il-politika biex itejbu l-ħajja tal-oħrajn.

Fil-Parlament taż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il se jiddiskutu l-opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol, it-tibdil fil-klima u l-kultura u l-innovazzjoni. Żgħażagħ ta’ ‘l fuq minn 18-il sena se jiddiskutu l-immigrazzjoni u l-protezzjoni umanitarja, l-edukazzjoni riproduttiva u s-saħħa, u d-deċentralizazzjoni u d-devoluzzjoni f’Għawdex.

Ara l-filmat b’kummenti tal-President tal-KNŻ Michael Piccinino u l-Uffiċjal Nazzjonali Jasmine Farrugia.