Lokali

“Il-governanza tajba m’għandhiex tkun slogan ta’ qabel l-elezzjoni biss” – Alex Perici Calascione

Il-kandidat għall-Kap tal-PN jirreaġixxi għall-aħbar li l-kumpanija VGH se tkun qed titħallas maż-żewġ biljun ewro minn but in-nies fuq perjodu ta' 30 sena

“Il-governanza tajba għandha tkun il-qofol tal-amministrazzjoni pubblika”, saħaq il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.

Hu kien qed jirreaġixxi għall-aħbar żvelata minn The Sunday Times of Malta, li l-kumpanija Vitals Global Health Care se tkun qed tirċievi €70 miljun fis-sena għall-kiri ta’ sodod fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fl-isptar Karen Grech u fl-isptar San Luqa.

Alex Perici Calascione qal li kellu jkun il-ġurnaliżmu professjonali li jikxef dak li qed jagħmel il-Gvern bil-moħbi tal-Parlament u bil-moħbi tan-nies li jħallsu t-taxxi. Żied jistaqsi min kienet il-persuna responsabbli li nnegozjat u kkonkludiet l-aspetti kummerċjali tal-kuntratt bejn il-Gvern u VGH.

Il-kuntratt ma’ VGH, li partijiet sħaħ minnu kienu ċċensurati mill-Gvern, jgħid ukoll li l-Gvern xorta waħda jrid iħallas għal sodod li ma jkunux qed jintużaw, bil-kandidat għall-Kap tal-PN jistaqsi jekk hux se jkunu n-nies li se jkollhom iħallsu għal sodod mhux użati.

Staqsa wkoll jekk VGH kinitx l-unika kumpanija li ġie offruta dawn il-kundizzjonijiet: jiġifieri li tinvesti 220 miljun waqt li jkollha moħħha mistrieħ li se tirċievi maż-żewġ biljun ewro fuq perjodu ta’ 30 sena minn but il-poplu.

F’post fuq Facebook, Alex Perici Calascione staqsa wkoll min huma l-‘ultimate beneficial owners’ ta’ Vitals Global Health Care, u għaliex il-Gvern għadu ma qalx min huma s-sidien ta’ din il-kumpanija, bil-kandidat għall-Kap tal-PN itemm jgħid li l-governanza tajba m’għandhiex tkun sempliċiment slogan ta’ qabel l-elezzjoni, iżda għandha tkun fil-qofol tal-amministrazzjoni pubblika.

https://www.facebook.com/alex.p.calascione/posts/10155415410135505?pnref=story