Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Theddid lill-ħaddiema ta’ sptar fost polemika dwar tifel traġiku

Il-ħaddiema fl-Isptar ta’ Great Ormond Street, f’Londra, irċevew theddid kontra ħajjithom b’konnessjoni mat-trattament li qed jingħata liċ-ċkejken Charlie Gard.

Charlie, li twieled f’Awwissu tal-2016, ibati minn marda ġenetika rari li ddgħajjiflu l-muskoli hi u tikkaġunalu ħsara irriversibbli f’moħħu. Il-ġenituri tiegħu jridu jieħduh l-Istati Uniti għal forma ġdida ta’ trattament, iżda huma tilfu każi konsekuttivi fil-qorti kontra d-deċiżjoni tal-isptar ‘li jkun fl-aħjar interessi tat-tarbija li jitħalla jmut bid-dinjità’.

Intant, il-pulizija intervjeniet wara li familji spiċċaw ‘persegwitati’ u sar magħruf li kien hemm ‘xi atteġġjament mhux aċċettabbli’ fl-isptar ta’ Great Ormond Street. L-isptar għadu involut fil-battalja legali biex Charlie Gard, li għandu 11 il-xahar, ma jibqax jinżamm ħaj fuq il-magna u l-ġenituri tat-tarbija insistew li ‘huma kontra li xi ħadd ikun suġġett għall-abbuż b’konnessjoni mal-każ’.

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Jeremy Hunt, qal li filwaqt li l-każ tat-tarbija hu wieħed ‘ikkumplikat u ta’ swied il-qalb’, huwa intollerabbli li l-istaff tal-isptar jispiċċa jbati minn xi forma ta’ theddid.