Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent:  Arresti wara l-qtil ta’ familja Iżraeljana

Il-militar ta’ Iżrael wettaq mewġa ta’ arresti wara attakk qattiel fuq familja Iżraeljana residenti fix-Xatt tal-Punent. Dan meta l-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, arrestaw madwar 30 Palestinjan, fosthom disa’ membri tal-grupp militanti Iżlamiku, Hamas.

L-azzjoni seħħet wara l-attakk ta’ tmiem il-ġimgħa fejn aggressur Palestinjan ta’ 20 sena daħal fir-residenza tal-Lhud ta’ Halamish fejn issorprenda familja waqt il-ħin tal-ikel. Il-Palestinjan, li kien armat b’sikkina, qatel lill-missier u ż-żewġ uliedu ( it-tnejn adulti) qabel intervjena wieħed mill-ġirien, suldat, li ġera lejn id-dar tal-vittmi u fetaħ in-nar fuq l-aggressur li spiċċa ferut.

Fl-aħħar sigħat, Iżrael kompla jsaħħaħ il-preżenza tat-truppi fix-Xatt tal-Punent, bil-qawwiet Iżraeljani fl-inħawi, bħalissa, jinsabu fuq stat ta’ allert għoli.

Fl-aħħar jiem kien hemm numru ta’ konfronti bejn Iżraeljani u Palestinjani li kienu mfissra bħala l-agħar għal snin sħaħ. It-tensjoni attwali bejn il-komunitajiet hi dovuta għal diżgwid profond rigward l-aktar santwarju polemikuż fl-Art Imqaddsa

Is-sit tas-santwarju, f’Ġerusalemm, hu magħruf bħala Haram al-Sharif mal-Musulmani u bħala t-Tempju tal-Muntanja fost il-Lhud.

Iżrael, issa, qiegħed il-kameras tas-sigurtà ġodda fid-daħla għas-santwarju waqt li qed jikkunsidra sistemi alternattivi għall-metal detectors li ttellgħu ftit taż-żmien ilu fis-sit u li wasslu għal ‘tmiem il-ġimgħa mimlija bi vjolenza’.

Iżrael waqqaf il-miżuri tas-sigurtà ġodda wara li Arab armati kienu fetħu n-nar mis-santwarju u qatlu żewġ pulizija Iżraeljani. Fl-istess ħin, Iżrael insista li l-miżuri kienu neċessarji biex ma jsirux aktar attakki, bil-Musulmani jallegaw li l-Iżraeljani qed jaħsbu biex jespandu l-kontroll tagħhom fis-sit amministrat mill-Musulmani.

Intant, l-aħħar rapporti qalu li Iżrael hu lest biex jikkunsidra alternattivi għall-metal detectors kontroversjali fis-sit tal-Art Imqaddsa. Dan waqt li Kmandanti militari ħeġġew lir-rappreżentanti Musulmani biex iressqu s-suġġerimenti tagħhom għal soluzzjoni dwar is-sigurtà.