Il-Pulizija fl-Istat Amerikan ta’ Texas qed jinvestigaw sejba makabra fi trailer-truck li kien ipparkjat barra stabbiliment kummerċjali fil-belt ta’ San Antonio. Dan wara li l-awtoritajiet elevaw tmien katavri mit-trakk, fost rapporti li fih instabu wkoll 20 persuni oħra li kienu ‘f’sitwazzjoni serja jew kritika’.
L-awtoritajiet, intant, qed jinvestigaw jekk it-traġedja setgħetx kienet konnessa mat-traffikar ta’ persuni, bid-dipartiment tal-immigrazzjoni fl-Istati Uniti qed jipprova jistabbilixxi l-istatus tal-vittmi.
Uħud mill-persuni li nstabu fit-trakk kienu qegħdin ibatu mill-effetti ‘akuti’ ta’ dehydration u effetti oħra tas-sħana. Il-pulizija ma identifikatx in-nazzjonalità ta’ dawn in-nies jew tal-mejtin li nħarġu mit-trakk u qalet biss li qegħdin iżommu lis-sewwieq tal-vettura biex jgħin fl-istħarriġ tagħhom.
Sar magħruf ukoll li t-trakk inkwistjoni ma kellu l-ebda sistema ta’ arja kundizzjonata, bin-nies li kienu ġo fih ‘jispiċċaw ibatu minħabba nuqqas ta’ ilma’. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ikkonfermaw li talanqas tnejn fost il-vittmi huma tfal ‘ta’ età skolastika’, li l-kundizzjoni tagħhom ma kenitx ċara.
Il-belt ta’ San Antonio hi pjuttost viċin il-fruntiera mal-Messiku u, wara s-sejba, il-Kapijiet tal-Pulizija tkellmu waqt konferenza fejn spjegaw li l-katavri fit-trakk instabu wara li impjegati ta’ Walmart kien ikkuntattja lill-pulizija bit-telefon.
Għaldaqstant, l-investigazzjoni qed tikkonċentra l-aktar fuq reat konness mat-traffikar tan-nies, bil-pulizija ma teskludix ‘li seta’ kien hemm persuni oħra fit-trakk li ħarbu, bil-mixi, lejn il-foresti mal-periferija ta’ San Antonio.
//= $special ?>