Il-Kapijiet taż-żewġ partiti fil-Kungress tal-Istati Uniti qablu dwar leġislazzjoni ġdida li tippermetti għal sanzjonijiet ġodda fil-konfront tar-Russja.
Din l-inizattiva saret bħala reazzjoni għall-allegat indħil mir-Russja fl-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana, li ntrebħet mir-Repubblikan, Donald Trump.
Mistenni li din il-leġislazzjoni ġdida tillimita sew il-kapaċità tal-President Trump biex ineħħi kwalunkwe sanzjonijiet kontra r-Russja.
Dan wara li Trump, qabel, kien qal li jeħtieġ ammont ta’ libertà minn kunċett diplomatiku, għal negozjati futuri ma’ Moska.
Fiż-żmien li Donald Trump ilu President tal-Istati Uniti baqgħu jissemmew l-allegazzjonijiet li r-Russja ppruvat tinfluwenza l-aħħar elezzjoni għall-Presidenza Amerikana.
Ir-Russja dejjem ċaħdet dwar dan l-aġir iżda fil-preżent, għaddejjin numru ta’ investigazzjonjiiet min-naħa tal-Amerikani biex jiddeterminaw saritx xi forma ta’ kollaborazzjoni bejn uffiċjali Russi u l-attivisti li mexxew il-kampanja elettorali ta’Trump.
L-osservaturi politiċi li kummentaw dwar l-aħħar inizjattiva fil-Kungress Amerikan qalu li l-ftehim, li jinvolvi lill-Partit Repubblikan u dak Demokratiku, jindika d-determinazzjoni tal-Kungress biex iżomm politika soda fil-konfront tar-Russja, irrispettivament mill-fehma tal-President Donald Trump.
L-osservaturi u xi korrispondenti jaqblu, intant, li filwaqt li l-President Trump jista’ jeżerċita l-veto fil-konfront tal-abbozz dwar is-sanzjonijiet, kwalunkwe azzjoni ta’ dan it-tip isservi biex tixpruna s-suspetti li hu ‘ikun qed joħroġ wisq bħala sostenitur tal-Kremlin.’
Mill-banda l-oħra, jekk Trump jasal biex jiffirma l-leġislazzjoni li tippermetti għal sanzjonijiet ġodda fil-konfront tar-Russja, hu ikun qed jimponi tip ta’ leġislazzjoni li tmur kontra l-politika tal-Amministrazzjoni tiegħu.
//= $special ?>