Akkwist ieħor importanti għal Manchester City hekk kif għalqu t-trasferiment ta’ Danilo mingħand Real Madrid fuq kuntratt ta’ ħames snin. Il-plejer versatili ta’ 26 sena ngħaqad ma’ City fl-impenji li għandhom fl-Istati Uniti wara li qabel it-termini personali u għadda mill-eżami mediku.
Danilo kien ilu ma’ Real Madrid mill-2015 u lagħab 24 logħba mat-tim ta’ Zidane li s-sena l-oħra kisbu l-kampjonat, it-tieni Champions League konsekuttiv u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs. Fil-passat hu lagħab ma’ America Mineiro Santos qabel ma’ ngħaqad ma’ Porto fejn rebaħ żewġ kampjonati f’erba’ snin.
Hu se jkun qed jingħaqad mat-tim ta’ Guardiola għal €30 miljun. “Hi ġurnata importanti għalija u ta’ sodisfazzjoni li nkun parti minn dan it-tim. Ninsab ħerqan għal din l-isfida u nixtieq nirbaħ iċ-Champions League ma’ Manchester City,” qal il-Brażiljan.
Il-preżenza ta’ Guardiola kienet fattur fid-deċiżjoni ta’ Danilo u qal li jogħġbu l-istil ta’ logħob tiegħu u jinsab konvint fid-diskussjonijiet li hu kellu. Hu qal ukoll li l-proġett tal-klabb hu ambizzjuż u dan kien fattur ieħor li wasslu biex ħa din id-deċiżjoni.
Manchester City investew ħafna fl-iskwadra tagħhom dan is-sajf bl-akkwisti ta’ Ederson, Bernardo Silva, Kyle Walker u x’aktarx Benjamin Mendy. Danilo jista’ jilgħab kontra Real Madrid l-Erbgħa li ġej.
//= $special ?>