Futbol Sport

Marko Arnautovic jingħaqad ma’ West Ham

Il-manager ta' West Ham Slaven Bilic flimkien mal-akkwist il-ġdid Marko Arnautovic

West Ham komplew isaħħu l-iskwadra bi preparazzjoni għall-kampjonat li ġej bl-akkwist ta’ Marko Arnautovic mingħand Stoke għal somma rekord tal-klabb. Arnautovic għamel l-eżami mediku l-Ġimgħa u sar it-tielet akkwist tal-Hammers dan is-sajf, wara l-akkwist ta’ Pablo Zabaleta u s-self tal-gowlkiper Joe Hart.

L-attakkant Awstrijak iffirma kuntratt ta’ ħames snin u fl-ewwel diskors lis-sit uffiċjali ta’ West Ham qal li jinsab ħerqan li jilgħab quddiem il-partitarji tiegħu. “Hi xi ħaġa speċjali għalija li nkun plejer ta’ West Ham. Kulħadd jaf li West Ham hu klabb kbir bi storja kbira u ninsab kuntent li ninsab parti mill-klabb,” qal Arnautovic.

L-Awstrijak qal li hu lagħab kontra West Ham fl-istadium l-antik għaliex l-istaġun li għadda kien sospiż u qal li jista’ jgħid li hu klabb kbir b’ħafna partitarji. Hu kompla jgħid li l-partitarji huma passjonati għall-futbol u dak li hu jħobb, filwaqt li sostna li l-klabb qed jikber u jitjieb u għalhekk ingħaqad magħhom.

Wieħed miċ-Chairman ta’ West Ham David Sullivan wera s-sodisfazzjoni li għalqu t-trasferiment ta’ Arnautovic mingħand Stoke. Hu qal li t-tliet akkwisti li għamlu għandhom esperjenza vasta fil-Premier League u qal li dan kien wieħed mill-miri tagħhom bil-preparazzjoni tagħhom għall-istaġun il-ġdid.

Arnautovic skorja 26 gowl fl-erba’ staġuni li għamel ma’ Stoke wara li kien ingħaqad magħhom mingħand it-tim Ġermaniż ta’ Werder Bremen fl-2013. Hu lagħab 62 logħba mat-tim nazzjonali tal-Awstrija u lagħab fit-tliet logħbiet ta’ pajjiżu fl-Euro 2016. Il-plejer ta’ 28 sena skorja tliet gowls fl-ewwel sitt logħbiet tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.