Futbol Sport

Neymar se jibda l-istaġun ma’ Barcelona – Josep Bartomeu

Neymar kellu taqsima mill-aqwa kontra Juventus

L-ispekulazzjoni fl-aħħar jiem indikat interess qawwi mill-klabb Franċiż ta’ Paris Saint Germain fl-istilla Brażiljana Neymar tant li rapporti fil-media bdew jgħidu li PSG lesti jħallsu l-klawsola ta’ €222 miljun biex jakkwistaw lill-Brażiljan. Jidher li saħansitra kien hemm diskussjonijiet f’New York, il-post fejn jinsabu bħalissa Barcelona, bejn il-klabb Katalan u missier Neymar li hu wkoll l-aġent tiegħu biex jiddiskutu l-futur immedjat tal-plejer.

Iżda l-President ta’ Barcelona Josep Maria Bartomeu ċaħad din l-ispekulazzjoni fejn qal li Neymar se jibda l-istaġun bil-flokk ta’ Barcelona. Madankollu din id-dikjarazzjoni qed tittieħed ukoll bħala ċans li verament Neymar jista’ jħalli l-klabb hekk kif is-suq tat-trasferimenti jispiċċa wara li l-kampjonati jkunu bdew.

Jekk se tittieħed deċiżjoni, jidher li se tkun fil-jiem li ġejjin, iżda kieku verament it-trasferiment iseħħ, dan ifisser li x-Sheikh Al-Khelaifi se jkun qiegħed jirdoppja t-trasferiment rekord ta’ €100 miljun li Real Madrid kienu ħallsu għal Bale, bit-trasferimenti ta’ Gonzalo Higuain u Paul Pogba jsegwu.

Sadanittant b’din l-ispekulazzjoni, Neymar jidher li mhux qed jagħti każ, hekk kif lagħab 45 minuta kontra Juventus u kellu prestazzjoni brillanti fejn skorja doppjetta u kien ta xewka kontinwa għad-difiża avversarja. Il-kowċ ta’ Barcelona Ernesto Valverde qal li jittama li Neymar jibqa’ mal-klabb.