Sport Sport Ieħor

Spyros Panopoulos jispikka fit-tielet rawnd tal-kampjonat nazzjonali tad-drag racing

Fi tmiem il-ġimgħa ntemm it-tielet rawnd tal-kampjonat tal-kwart ta’ mil fit-trakka tal-assoċjazzjoni Maltija tad-Drag Racing f’Ħal Far. Dan ir-rawnd se jibqa’ jissemma l-aktar minħabba li nkiser rekord mondjali minn Spyros Panopoulos, sewwieq Grieg li wara xi diffikultajiet laħaq l-iskop li ġie bih f’pajjiżna. Hu rnexxielu jagħmel rekord tad-dinja bil-Mitsubishi Evolution f’ħin ta’ 7.884 sekondi.

Riżultat tajjeb kien dak ta’ Justin Muscat li għamel rekord ewropew bl-Escort b’magna Rotary bl-isem ta’ Terminator meta saq id-distanza f’7.18 sekondi b’veloċità ta’ 192 mil fis-siegħa.

Fost is-sewwieqa li kellhom tmiem il-ġimgħa tajjeb b’Ħal Far, kien hemm Luca Mangion li rebaħ il-klassi Junior dragster, Mark Farrugia li rebaħ il-bracket ta’ bejn it-8.00 u t-8.49 sekondi u Clint Catania li rebaħ il-klassi Open 3. Ryan Cassar u Frankie Ellul rebħu l-klassi Escort 2 u 3 rispettivament filwaqt li Chris Gauci rebaħ il-klassi Open Front Wheel Drive.

Ryan Scerri rebaħ il-klassi 4 cylinder Nitro u Rueben Scicluna rebaħ il-klassi D4 bid-dragster tiegħu. Il-Grieg Savvas rebaħ il-klassi Open tal-muturi. Il-klassi Open 1 u 2 intrebħu minn Justin Mizzi u Justin Muscat rispettivament.

Ir-raba’ rawnd tal-kampjonat isir bejn il-Ġimgħa 22 u l-Ħadd 24 ta’ Settembru.

Suċċess għal Josef Calleja fl-Ingilterra

Josef Calleja kiseb riżultat pożittiv fil-ħames rawnd tat-Time Attack fl-Ingilterra meta bis-Subaru Impreza kiser ir-rekord tat-trakka b’ħin ta’ minuta u 29 sekonda, li hu żewġ sekondi aħjar mir-rekord preċedenti li kien inkiser fl-2008.

B’hekk Calleja temm dan ir-rawnd fil-quċċata u żamm postu fl-ewwel post fil-kampjonat. Hu mistenni jerġa’ jkun impenjat fis-sitt rawnd fil-Croft Racing Circuit fil-bidu ta’ Settembru.