Lokali

Strutturi tal-PN aktar effiċjenti – Adrian Delia

“Il-PN irid jaġġorna l-istrutturi tiegħu biex jiffunzjonaw b’iżjed effiċjenza u jiffaċilitaw il-ħidma politika meħtieġa fir-realtajiet tal-lum.”

Dan qalu Dr. Adrian Delia, Kandidat għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’kummenti li ta lil media.

“Il-ħolqien ta’ policy fora u focus groups kien pass tajjeb, iżda ma ħalliex ir-riżultat mixtieq. F’dan id-dawl, għal-li ġej irridu noħolqu strutturi permanenti fil-PN li jifirxu b’mod orizzontali u jinkludu l-fergħat kollha tal-partit f’kull tema possibli. Kull waħda minn dawn l-istrutturi ġodda irid ikollha membri appuntati mill-fergħat l-oħra tal-partit,” qal Adrian Delia.

“Assolutament mhux l-intenzjoni li dawn jieħdu l-ħidma tal-fergħat eżistenti, anzi jridu jikkumplimentaw ix-xogħol tagħhom bil-għan li l-politka tal-PN tissawar minn fost in-nies u mhux minn fuq għal isfel.”

B’Adrian Delia bħala kap tal-PN jissaħħu l-istrutturi tal-partit.

“Is-Segretrarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ikollu miegħu żewġ Assistenti Segretarji Ġenerali, mhux wieħed. Min jokkupa dawn il-karigi ma jistax jikkontesta l-elezzjonijiet (Ġenerali, Kunsilli Lokali, MEPs). Wieħed minnhom ikollu funzjoni politika u l-ieħor amministrattiva,” qal Adrian Delia.

Hu kompla li “l-kandidati kollha li jikkontestaw xi elezzjoni f’isem il-PN jgħaddu minn process ta’ grilling quddiem il-Kunsill Ġenerali. Wara dawn is-sezzjonijiet il-Kumissjoni Kandidati tkompli bl-għarbiel tagħha u tagħti l-parir tagħha lill-Eżekuttiv.” 

Meta tkellem dwar l-importanza tal-Kunsilli Lokali u l-appoġġ li għandhom isibu l-Kunsiliera mill-partit, Adrian Delia qal li “l-ħatra ta’ Direttur għall-Kunsilli Lokali għandha terġa ssir ssir waħda full-time biex ikollna persuna li tmexxi uffiċċju importanti ħafna għat-twettieq tal-politika lokali u biex il-Kunsilliera tal-partit isibu l-appoġġ kollu possibli u r-riżorsi meħtieġa.”