Madwar 200 passiġġier li lbieraħ filgħaxija kellhom iħallu Malta lejn l-Italja spiċċaw maqbuda f’pajjiżna u jridu jaraw x’se jagħmlu biex jirritornaw lura lejn pajjiżhom.
Dan hekk kif il-linja tal-ajru EasyJet ħassret it-titjira EZY2598 li lbieraħ kellha tasal f’Malpensa għall-ħabta tas-00:50. Madankollu t-titjira l-ewwel ġiet posposta bi tliet sigħat, qabel eventwalment tħassret.
Jirriżulta li ħafna mill-passiġġiera huma studenti minorenni li kienu f’pajjiżna għal ġita jew biex jitgħallmu l-Ingliż. Iżda jirriżulta li mhux possibbli li jirritornaw lura lejn l-Italja abbord l-EasyJet fl-immedjat.
Filfatt l-Entità Nazzjonali Taljana għall-Avjazzjoni Ċivili, l-ENAC, qed issegwi l-iżviluppi biex eventwalment tieħu azzjoni kontra l-linja tal-ajru jekk jinstab li kien hemm ksur tar-regoli tal-ajru u d-drittijiet tal-passiġġieri.
EasyJet sadattant ħabbret li t-titjira tħassret minħabba problema teknika li nqalgħet fuq l-ajruplan meta kien f’Milan. Il-kumpanija kompliet ukoll li “l-istaff f’Malta għamel minn kollox biex jgħin lill-passiġġieri, inkluż b’offerta ta’ akkomodazzjoni f’lukanda.”
//= $special ?>