Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li mhu fl-interess ta’ ħadd li titwal il-kriżi bejn il-Qatar u l-ġirien tal-Golf.
Hu qal dan il-kliem waqt li beda żjara ta’ jumejn fir-reġjun, fejn għandu programmati żjarat fl-Arabja Sawdija u l-Kuwajt, qabel iqatta’ żmien fil-Qatar.
Erdogan qed jistinka biex jirrisolvi din il-kriżi mal-Qatar li ilha għaddejja minn Ġunju, meta l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Bahrain u l-Eġittu qatgħu ir-relazzjonijiet ma’ Doha minħabba l-allegat appoġġ mill-Qatari għat-terroriżmu u r-rabtiet bejn il-Qatar u l-Iran.
Il-Qatar qed jiċħad li hu qatt ta xi appoġġ jew sostenn lil kwalunkwe gruppi terroristiċi.
Intant, l-erba’ pajjiżi li ħaduha kontra l-Qatar eżerċitaw bojkott fil-konfront tiegħu, bir-riżultat li dan l-Emirat sinjur fiż-żejt spiċċa jimporta l-ikel bil-mezzi tal-ajru u l-baħar biex jaqdi ħteġiet bażiċi tal-popolazzjoni ( tiegħu) ta’ 2.7 miljuni.
Qabel telaq mill-ajruport ta’ Istanbul, il-President Erdogan insista li ħadd ma għandu l-interess jew ix-xewqa li l-kriżi tiġġebbed għal żmien indeterminat, filwaqt li akkuża ‘għedewwa’ mhux speċifikati b’li ‘qed jippruvaw jistimolaw tensjoni bejn l-aħwa (tar-reġjun)’.
It-Turkija għandha bażi militari fil-Qatar u tqis lill-Emirat bħala alleat importanti fir-reġjun tal-Golf.
Madankollu, il-korrispondenti jaqblu li Erdogan jinsab attent biex ma jantagonizzax lill-Arabja Sawdija bħala protagonista ewlenija fil-Golf. Dan meta l-Mexxej Tork qed itenni li s-Sawdi għandhom ‘rwol kbir x’jaqdu’ biex il-kriżi fir-reġjun tasal għall-konklużjoni.
//= $special ?>