L-attakkant Antonio Cassano ħalla lil Verona ġimgħat wara li ffirma kuntratt magħhom.
Fl-10 ta’ Lulju li għadda Cassano kien ingħaqad ma’ Verona wara sena ma jilgħabx futbol.
Hu kien jifforma parti mill-iskwadra ta’ Sampdoria imma wara li kien jitħalla barra mit-tim li kien immexxi minn Marco Giampaolo, f’Jannar dan kien ingħata r-release.
Matul dan is-sajf Cassano kien segwit minn xi klabbs u dan ix-xahar iffirma ma’ Verona. Ġimgħa ilu Cassano iddeċieda li jħalli t-taħriġ ħabta u sabta, irringrazzja lill-kollegi tiegħu u lill-istaff tekniku kollu, u qal li kien qed rtira mill-futbol darba għal dejjem. Il-midja Taljana kienet qalet li Cassano ddeċieda li jirtira minħabba raġunijiet familjari.
Ftit tas-sigħat wara Cassano reġa’ bdielu u indirizza konferenza tal-aħbarijiet mad-Direttur Sportiv ta’ Verona Filippo Fusco li mid-dehra kkonvinċih jibqa’.
Cassano kien qal li filgħodu ħass uġigħ fiżiku kbir f’ġismu u kien qata’ qalbu iżda bil-kuraġġ li għamlulu d-diriġenti, kowċis u plejers ta’ Verona, iddeċieda li se jibqa’ mal-iskwadra u jirbaħ imħatra li għandu miegħu nnifsu li jerġa’ jkun protagonist.
Sebat ijiem wara reġa’ nbidel kollox. Dan hekk kif Maurizio Setti, l-President ta’ Verona ħabbar li Cassano se jitlaq lill-klabb. “Il-plejer mhux qiegħed f’kundizzjoni mentali tajba biex jilgħab il-futbol. Fiżikament jinsab tajjeb u lest imma mhux lest mentalment biex jilgħab il-futbol. Hi ħassra li mhux se jkollna plejer tal-kalibru ta’ Cassano fit-tim tagħna,” qal Setti.
Ilbieraħ waranofsinhar Cassano kkonferma dan kollu u ħabbar li se jirtira mill-futbol.
//= $special ?>