Lokali

FILMAT: Gwerra fil-pjazza ta’ Buġibba – grupp kbir ta’ persuni jkissru u jagħtu lil xulxin

AĠĠORNATA – Il-Pulizija arrestat żewġt irġiel ta’ nazzjonalita’ Sirjana b’rabta mal-ġlieda kbira li seħħet ilbieraħ filgħaxija fil-Pjazza ta’ Buġibba.

Iż-żewġt irġiel, ta’ 25 u 41 sena sofrew ukoll xi ġrieħi ħfief li kienu jeħtieġu attenzjoni medika. Huma mistennija jitressqu l-Qorti fis-siegħat li ġejjin

Iktar kmieni

Mumenti ta’ tensjoni fil-Pjazza ta’ Buġibba hekk kif grupp kbir ta’ persuni kienu nvoluti fi ġlieda li matulha ntużaw oġġetti differenti fosthom biċċiet tal-injam u saħansitra tabelli.

Kollox seħħ iktar kmieni llum meta argument bejn grupp ta’ barranin eskala u żviluppa fi ġlieda kbira bejn żewġ klikek. F’mumenti, uħud mill-persuni nvoluti dehru jagħtu lil xulxin b’kull ħaġa li sabu saħansitra anke meta dawk fil-mira tagħhom kienu mitluqin mal-art.

Fl-ġlieda saret ħsara wkoll lil għamara tar-ristoranti tal-madwar kif ukoll karozzi li kienu pparkjati biswit il-pjazza. Tant hu hekk li f’mument minnhom jinstemgħu ħsejjes qawwija tad-daqqiet li bdew jingħataw fil-karozzi.

Dan kollu filwaqt li t-turisti li kienu fil-madwar bdew jitilqu miż-żona, b’uħud minnhom jaqsmu t-triq u jsegwu dan l-ispettaklu xejn sabiħ.

Fil-post issejġu l-membri tal-Pulizija li madankollu waslu meta kien tard wisq. L-investigazzjoni, inkluż b’analiżi ta-filmati, madankollu tkompli.