Is-sewwieq tal-Mercedes Valtteri Bottas qal li se jħalli f’idejn il-Mercedes biex jiddeċiedu jtuhx kuntratt ġdid fi tmiem dan l-istaġun. Ġimgħatejn ilu Bottas kiseb it-tieni rebħa tal-karriera u tal-istaġun hekk kif rebaħ il-Grand Prix tal-Awstrija.
Qabel l-istaġun, meta Bottas kien magħżul mill-Mercedes biex jieħu post Nico Rosberg li kien irtira mill-isport wara li rebaħ it-titlu, ħafna ħasbu li dan kien se jkun biss it-tieni sewwieq tat-tim u se jkun fid-dell ta’ Lewis Hamilton.
Madankollu bil-wirjiet li qed ikollu Bottas dan bla dubju qed jagħti sinjal ċar li qed jagħmel minn kollox biex mhux biss jisfida għar-rebħ tat-titlu imma anke jaċċerta minn post fiss mat-tim champion tad-dinja.
F’kummenti li ta Bottas qal li jkun aħjar għalih jekk ikun jaf malajr kemm jista’ jkun jekk sena oħra hux se jkun qed isuq mal-Mercedes jew le imma fl-istess waqt jifhem li t-timijiet iridu jkunu analizzaw kollox qabel ma jieħdu deċiżjoni daqstant importanti.
Bottas kompla billi qal li minn naħa tiegħu lest jibqa’ għal ħafna snin mal-Mercedes u issa kollox hu f’idejn id-diriġenti biex jiddeċiedu x’iridu.
Is-sewwieq qal li jekk kemm-il darba ma jisma’ xejn mingħand il-Mercedes għalissa mhux se jistaqsi hu dwar x’se jiġri imma qed jittama li matul il-waqfa tas-sajf li ssir f’Awwissu jibda jibdew xi diskussjonijiet.
Il-Grand Prix li jmiss hu dak ta’ nhar il-Ħadd li ġej u dan se jsir fl-Ungerija. Bottas bħalissa jinsab fit-tielet post fil-klassifika ġenerali, 23 punt taħt il-lider Sebastian Vettel tal-Ferrari.