Iktar minn nofs l-istudenti membri tal-University of Malta Racing li kienu fl-Italja, spiċċaw għall-kura u osservazzjoni medika fi sptar lokali.
Jirriżulta li ż-żgħażagħ Maltin marru jieklu prodotti magħmula mit-tiġieġ f’ristorant ta’ Varano, u kien hawn li spiċċaw isofru minn sintomi ta’ food poisoning.
Xi ħin wara l-ikel, uħud mill-istudenti bdew isofru minn diżinterija u jneħħu l-ikel, bil-konsegwenza li kienu sfurzati jċemplu nnumru 118; in-numru tal-emerġenza fl-Italja. Dawk affettwati imbagħad spiċċaw fid-dipartiment tal-emerġenza tal-Ospedale Maggiore ta’ Parma fejn inżammu taħt osservazzjoni.
L-istudenti kienu fl-Italja fejn ipparteċipaw fil-Formula SAE Italy & Formula Electric Italy 2017 b’vettura li ħolqu huma stess u ħadu ħsieb l-aspetti kollha tagħha, kemm l-aspett tekniku kif ukoll finanzjarju.
Lejliet l-avveniment, Maurizio Fenech, Inġinier u lettur fl-università li kien qed jakkumpanja lill-istudenti li qed jirrappreżentaw lil pajjiżna kiteb hekk fuq Facebook: “Minkejja valanga ta’ diffikultajiet, b’iktar minn nofs it-tim tagħna jispiċċa l-isptar u jinżamm taħt osservazzjoni, UoMRacing għadu għaddej b’saħħtu u rnexxielna ngħaddu mit-testijiet kollha ta’ sigurtà u statiċi.”
Fortunatament jidher li ż-żgħażagħ Maltin evitaw konsegwenzi mediċi iktar serji, tant li lbieraħ setgħu jipparteċipaw fl-avvenimenti li saru fl-Autodromo Paletti di Varano. Mhux hekk biss, anzi akkwistaw it-tieni post tal-ġurnata bl-aqwa riżultat li qatt kiseb il-grupp tal-University of Malta Racing.
Filfatt, ilbieraħ il-Maltin kisbu skor ta’ 95.3 punti minn total massimu ta’ mitt punt. Madankollu huma tilfu żewġ avveniment relatati ma’ din il-kompetizzjoni, bil-konsegwenza li kklassifikaw fis-27 post finali.
F’dan l-avveniment prestiġġjuż ħadu sehem iżjed minn 2,600 student minn madwar id-dinja. Filfatt kienu 70 l-universitajiet lokali u internazzjonali li pparteċipaw.
//= $special ?>