Lokali

Issa nafu għaliex żammew il-kuntratt moħbi – Stephen Spiteri, Kelliem tas-Saħħa tal-PN

Id-dettalji żvelati minn The Sunday Times dwar il-ħlasijiet li l-Gvern – mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi – qed jgħaddi lil Vitals Global Healthcare jixirqilhom spjegazzjoni dettaljata u risposti konkreti għall-mistoqsijiet kbar li qed isiru. Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri.

Ilbieraħ, The Sunday Times żvelat siltiet minn dak li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Chris Fearne pruvaw iżommu moħbi mill-poplu Malti u Għawdxi – l-ħlasijiet li qed isiru lill-kumpanija li l-Gvern ta tliet sptarijiet f’pajjiżna minkejja li m’għandha ebda esperjenza ta’ kif tmexxi sptarijiet. Id-dettalji żvelati huma xokkanti : ħlasijiet ta’ €188,000 kuljum li jfisser €70 miljun fis-sena. Din hi r-raġuni għaliex il-Gvern baqa’ jżomm il-kuntratt moħbi – kemm mill-Parlament kif ukoll mill-poplu Malti u Għawdxi.

L-istqarrija fjakka tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, mhux talli ma tweġibx il-mistoqsijiet, iżda talli toħloq aktar dubji. Per eżempju, Chris Fearne ma weġibx jekk l-ammonti li qed jitħallsu hux komparabbli mas-sodod li qed jintużaw fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa. Chris Fearne ma jistax jibqa’ jfarfar u jaħrab minn dan id-deal.

Il-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna risposti konkreti, speċjalment meta wieħed jiftakar li dawn il-kuntratti jintnu ġew iffirmati fl-istess ġimgħa li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi taw il-go ahead biex jinfetħu l-kontijiet bankarji fil-Panama biex fihom ipoġġu miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions.