Lokali

Appell biex il-Kummissjoni Ewropea tipproteġi l-liġijiet f’Malta quddiem il-korruzzjoni tal-gvern

F’ittra lill-Viċi-President tal-Parlament Ewropew Frans Timmermans, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa appella biex il-Viċi-President tal-Parlament Ewropew jerġa’ jikkunsidra l-fatti dwar l-iskandlu tal-Panama u biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa biex tipproteġi l-liġijiet u d-demokrazija f’Malta.

David Casa semma kif fl-4 ta’ Lulju 2007 waqt diskussjoni fil-Grupp tal-PPE inġibditlu l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni f’Malta fil-kuntest tal-ħarsien tal-liġijiet. Wara li kien żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers u r-rapporti tal-FIAU, sar evidenti li l-Prim Ministru, Keith Schmebri u Konrad Mizzi implimentaw skema komplessa ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus sa minn meta l-Prim Ministru ħa l-gvern fl-2013.

David Casa qal li minkejja r-rapporti tal-FIAU qed jinsistu għal investigazzjoni mill-pulizija, ma ttieħdet l-ebda azzjoni s’issa. Impjegat tal-FIAU li tkeċċa sostna li hu tkeċċa mill-FIAU propju minħabba li investiga r-rapporti tal-FIAU; liema rapporti ma kinux reġistrati mill-pulizija skont il-proċeduri.

David Casa fi Strasburgu

David Casa qal li numru ta’ inkjesti maġisterjali għadhom għaddejjin. Hu sostna li dan mhux proċess normali. L-Oppożizzjoni kellha tirrikorri għand il-ġudikatura minħabba li l-pulizija u l-Avukat Ġenerali injoraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-FIAU.

Issa Keith Schembri, li reġa’ kien appuntat Chief of Staff tal-Prim Ministru u li hu wieħed mill-persuni implikati fil-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus speċifikati fir-rapporti tal-FIAU, talab lill-istess puliizja biex jieħdu passi kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għax ippreżenta l-evidenza.

Dan meta din l-evidena tirriżulta mill-Panama Parers u mir-rapporti tal-FIAU; dokumenti li huma magħrufa pubblikament. Dan hu abbuż ta’ poter u qed isir bl-iskop li jintimida lil min irid jitkellem kontra l-korruzzjoni.
L-allegazzjonijiet li qed isiru minn Keith Schmebri m’għandhom l-ebda baża u qed isiru f’sitwazzjoni li bħala f’Malta qatt ma ġrat fejn qed jintalbu passi kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni.

David Casa spjega lil Timmermans li fl-4 ta’ Lulju li għadda kien qal li hu ma kinx jaf b’dawn il-fatt dwar il-każ. Casa kompla li filwaqt li jittama li issa Timmermans għandu l-informazzjoni meħtiġea, għandu jerġa’ jidħol fil-każ speċjalment fil-kuntest tal-aħħar żviluppi u biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa biex tipproteġi s-saltna tad-dritt u l-liġijiet flimkien mad-demokrazija f’Malta.