Bayern Munich kisbu rebħa tajba meta f’logħba mill-International Champions Cup fl-Istadium Nazzjonali ta’ Singapore għelbu lil Chelsea 3-2. Għal Bayern dan kien ritorn għar-rebħ wara li s-Sibt li għadda tilfu 4-0 kontra Milan f’partita ta’ ħbiberija oħra. Għal Chelsea għamel id-debutt l-akkwist Alvaro Morata.
Il-Ġermaniżi fetħu l-iskor wara biss sitt minuti meta kien Rafinha li għeleb lil Courtois b’xutt fil-baxx mid-distanza. Bayern irduppjaw fit-12-il minuta bi kross tajjeb ta’ Frank Ribery għan-nofs li sab lil Thomas Muller li kkonkluda b’xutt mill-ewwel. It-tim ta’ Ancelotti saħansitra mar 3-0 minn fuq fis-26 minuta meta Muller skorja b’xutt mid-distanza wara li avvanza minn nofs il-grawnd waħdu.
Chelsea naqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kross fil-baxx ta’ Moses għadda tul il-kaxxa, b’Marcos Alonso jegħleb lil Starke b’xutt b’saħħtu. It-tim ta’ Conte skorjaw it-tieni gowl ħames minuti mit-tmiem meta minn korner ta’ Fabregas, il-ballun spiċċa għand Mitchy Batshuayi li mill-viċin kompla għal ġewwa.
//= $special ?>