Elezzjoni Kap PN Lokali

Il-PN hu marbut mas-suċċess tal-pajjiż – Alex Perici Calascione

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione espriema fiduċja li l-Partit Nazzjonalista se jirnexxielu jgħeleb l-isfidi li għandu quddiemu permezz ta’ viżjoni politika korretta; liema viżjoni waslet għas-suċċess fil-pajjiż.

F’artiklu f’The Times, Alex Perici Calascione qal li l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-PN qed issir  f’perjodu ta’ kritika, ideat u proposti għal organizzazzjoni aħjar fil-partit u għall-formazzjoni aħjar tal-politika tal-partit b’mod ġenerali.

Hu tratta l-mod kif qed tinbdiel is-soċjetà u dwar l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jagħraf dawn il-bidliet.  Il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-suċċesss tal-Partit Nazzjonalista dejjem kien is-suċċess tal-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista għandu fuq kollox jistaqsi x’tip ta’ Malta l-poplu għandu jgħix fiha biex jaħdem u jgħix bħala soċjetà.

L-impenn tieghi, sostna Perici Calscione, hu li bħal ta’ ħafna oħra fil-PN, naħdem biex Malta tkun pajjiż mibni fuq is-saltna tad-dritt fejn iċ-ċittadini kollha jkunu kollha indaqs quddiem il-liġi.

Alex Perici Calscione qal li ċ-ċittadini m’għandhomx jittalbu għad-drittijiet tagħhom f’soċjeta fejn il-ġid ikun ġenerat u faċilitat fil-kunċett ta’ sostenibbiltà nazzjonali.