Il-Magistrat Aaron Bugeja qed jistenna l-awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex jingaġġa esperti barranin fl-IT sabiex jassistuh fl-inkjesta li għaddejja bħalissa dwar il-kumpanija Egrant.
Jirrapporta dan il-ġurnal Times of Malta li qed jikkwota sorsi ġudizzjarji li qalu li minħabba li l-investigazzjoni hi waħda kumplessa u tinvolvi lill-Prim Ministru Joseph Muscat u martu, ġie deċiż li s-servers fil-Bank Pilatus ikunu eżaminati minn esperti barranin.
Normalment, il-Qorti tqabbad fost żewġ jew tliet esperti Maltin iżda minħabba s-sensittivita’ tal-każ, l-għażla qed taqa’ fuq barranin. Madanakollu, Times of Malta jirrapporta li l-ispejjeż jiżdiedu b’mod qawwi, aktarx ‘il fuq minn €500,000. Minħabba din l-ispiża qawwija, il-Maġistrat jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja, ikompli r-rapport.
L-inkjesta infetħet f’April li għadda wara li l-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li l-kumpanija Egrant, li nfetħet flimkien mal-kumpaniji Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri rispettivament, kienet reġistrata fuq Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Sadanittant, fi stqarrija, il-Ministeru tal-Ġustizzja ċaħad dak li ntqal fil-gazzetta u sostna li m’hemmx kwistjonijiet ta’ finanzjar tal-inkjesta tant li fl-aħħar ta’ April li għadda, il-Ministeru awtorizza l-fondi meħtieġa biex il-Qorti taħtar kwalunkwe espert, sew jekk lokali kif ukoll barranin, li jkun meħtieġ għall-inkjesta.
//= $special ?>