Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Tintemm il-ġlieda għall-ħajja ta’ tifel traġiku

Il-każ ta’ Charlie Gard, it-tarbija li seraq qalb kulħadd, ma jidhirx li se jkollu tmiem feliċi, meta l-ġenituri tiegħu bħalissa qegħdin iqattgħu l-aħħar mumenti prezzjużi ma’ binhom fir-Renju Unit. Dan wara li huma temmew l-isfida legali biex Charlie ikun trasferit lejn l-Istati Uniti għal trattament sperimentali.

Il-ġenituri, Chris u Connie Yates, qalu li jridu jqattgħu l-massimu taż-żmien possibbli ma’ Charlie, li għandu marda terminali u  li ilu l-aħħar xhur jinżamm fl-Isptar ta’ Great Ormond Street, f’Londra. Iċ-ċkejken qed jinżamm ħaj fuq il-magna u kelliema għall-isptar ma qalux meta għandhom jitfu din il-magna u jippermettu mewta dinjituża għal Charlie.

L-avukat li jirrappreżenta lil  Chris Gard u Connie Yates informa lill-Qorti Għolja inkarigata mill-aħħar smigħ dwar is-sitwazzjoni taċ-ċkejken fejn tenna li iż-żmien, issa, skada biex Charlie jittella l-Istati Uniti. L-avukat tal-familja Gard żvela li newroloġista Amerikan ikkonferma li hu, issa, ma kienx aktar pożittiv dwar terapija sperimentali li setgħet saret fuq Charlie wara li hu ra r-riżultati tal-aħħar scan fuq it-tarbija.

L-aħħar żviluppi ta’ qsim il-qalb ifissru wkoll li Charlie Garde mhux se jilħaq jagħlaq sena ta’ ħajja, fl-4 ta’ Awwissu li ġej.

Fl-ewwel kummenti wara l-konklużjoni tal-każ, l-omm, Connie Yates, qalet li s-sitwazzjoni ddisprata fejn hi u żewġha qed ikollhom iċedu hi l-aktar ħaġa diffiċli li huma jistgħu qatt jgħaddu minnha. Il-ġenituri ta’ Charlie kienu ġġenerew mal-1.3 miljun Sterlina f’donazzjonijiet biex binhom jgħaddi minn proċess sperimentali barra r-Renju Unit u issa huma qed jittamaw li jwaqqfu fondazzjoni biex jaċċertaw li leħen binhom ikompli jinstama wara l-impatt li hu ħalla fuq daqstant nies.