Lokali

Irrispondejt it-telefonati tal-aħħar jiem? Il-kumpaniji jiċċaraw il-konsegwenzi!

Jekk int wieħed mill-eluf madwar Malta u Għawdex li fl-aħħar sigħat irċivejt u rrispondejt telefonata mill-Iżvizzera, l-Albanija jew it-Tuneżija, x’tista’ teħel?

Il-kumpaniji tat-telefonija f’pajjiżna fl-aħħar ħin iċċaraw li dawk li wieġbu t-telefonati ma jidhirx li kienu fil-mira ta’ xi serq ta’ flus jew dettalji. Iżda min iddeċieda li jċempel lura, aktarx li weħel spiża.

Dan hekk kif il-kumpaniji ddikjaraw li, filwaqt li n-numru deher ġej minn xi pajjiż fl-Ewropa, fil-verità aktarx kien minn pajjiżi fl-Afrika. Dan ifisser li min ċempel lura daħal fi spiża ta’ rati internazzjonali.

Jirriżulta li dan kien l-għan aħħari tal-persuni li għamlu dawn it-telefonati. Tant hu hekk li ħafna ddikjaraw li lanqas kellhom ċans jirrispondu, qabel il-linja nqatgħet. Dan bl-iskop li dak li jkun, frott il-kurżità jew għaliex kien qed jistenna xi telefonata minn barra, jċempel lura.

Kemm Go kif ukoll Vodafone ddikjaraw li ħadu azzjoni, billi mblukkaw dawn it-telefonati suspettużi jew inkella neħħew il-possibbiltà li wieħed iċempel lura fuq dawn in-numri.