Internazzjonali

Jibnu ħajt madwar xelter għall-immigranti fi Franza

Għexieren ta’ residenti f’ Séméac, raħal fuq il-muntanji Pirinej, lejn il-ilbiċ ta’ Franza, damu jaħdmu ġurnata biex itellgħu ħajt madwar il-lukanda Formule 1, li nxtrat mill-Gvern bil-għan li sservi bħala akkommodazzjoni għall-immigranti.

Il-ħsieb wara l-bini tal-ħajt hu proprju biex din il-lukanda ma tintużax għall-iskop partikulari.

Ir-residenti f’Séméac, li jammontaw għal 5,500, ilmentaw li l-awtoritajiet lokali ma ddiskutewx magħhom rigward il-pjan li għandu jalloka residenza (fil-lukanda) għal 85 immigrant.

Laurent Teixeira, kelliema għar-residenti ta’ Séméac, qalet li huma mhumiex kontra li jospitaw l-immigranti iżda l-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw li dan hu raħal  żgħir wisq biex iżomm l-immigranti u jieħu ħsieb il-ħteġiet tagħhom

Skont il-Eurostat, fl-2015, Franza offriet refuġju lil madwar 20,000 immigrant.