Internazzjonali

Jitneħħew ‘detectors’ kontroversjali mis-sit qaddis f’Ġerusalemm

 

L-awtoritajiet Iżraeljani neħħew id-detectors tal-metall minn barra s-sit qaddis prinċipali fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, wara li l-Palestinjani infexxew fi vjolenza biex jipprotestaw dwar l-istallazzjoni tagħhom li kienet seħħet xi jiem ilu.

Issa Iżrael qed jippjana biex jistalla mezzi oħra għal sorveljanza ‘li mhumiex daqstant kontroversjali u li ma jagħtux daqshekk fil-għajn’.

Madankollu, il-Mexxejja Musulmani insistew biex id-devoti tal-komunità tagħhom ikomplu għaddejjin bil-bojkott attwali tal-kumpless sagru fil-Lvant ta’ Ġerusalemm.

Meta twaqqfu d-detectors fis-sit kienu seħħew il-konfronti vjolenti bejn il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani u l-Palestinjani li akkużaw lill-Iżraeljani b’li riedu jaċċertaw mill- kontroll fuq l-inħawi. Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani qalu li d-detectors kienu neċessarji biex jevitaw it-traffikar tal-armamenti minn dik iz-zona.

Id-deċiżjoni għall-istallazzjoni tad-detectors kienet saret wara l-qtil, fl-14 ta’ Lulju, ta’  żewġ pulizija Iżraeljani taħt idejn aggressuri Arab-Iżraeljani. L-awtoritajiet qalu li l-aggressuri kienu ħbew l-armi tagħhom fl-istess sit sagru li l-Lhud jafuh bħala t-Tempju fuq il-Muntanja u li l-Musulmani jirreferu għalih bħala Haram al-Sharif.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Iżrael qal li l-entitajiet tas-sigurtà tal-Istat irrakkmandaw biex id-detectors tal-metall ikunu sostitwiti ‘minn sistemi tal-aħħar teknoloġija u mezzi oħra’ – b’dawn il-miżuri għandhom ikunu implimentati fis-sitt xhur li jmiss. Mifhum li, għalissa, se jkunu stazzjonati aktar pulizija madwar is-sit qaddis fil-Lvant ta’ Ġerusalemm.

S’issa, il-maġġoranza tal-Palestinjani qed jirrifjutaw li jżuru dan il-kumpless qaddis ‘dment li jibqa’ l-aħħar detector’ u, minflok, qegħdin jorganizzaw it-talb fit-triq ta’ barra l-Belt Antika ta’ Ġerusalemm.

Sadanittant, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Lvant Nofsani wissa dwar ‘effett katastrofiku potenzjali’ f’każ li l-kwistjoni dwar il-metal detectors ma tkunx solvuta qabel nhar il-Ġimgħa – il-jum tradizzjonali fejn il-Musulmani jmorru bi ħġarhom fis-sit għal sessjonijiet tat-talb. Ir-Rappreżentant, Nickolay Mladenov, qal li l-potenzjal għal diżastru kapaċi anki jinfirex ‘il hinn minn dak ir-reġjun f’każ li ma jittieħdux il-prekawzjonjiiet u miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti.