Sport Sport Ieħor

Katie Ledecky tirbaħ ukoll l-1,500 metru freestyle fil-Kampjonati tad-Dinja

Katie Ledecky wara li spiċċat it-tellieqa tal-1,5000 metru freestyle tan-nisa (Ritratt: EPA)

Erba’ rekords tad-dinja, Katie Ledecky tkompla tagħmel l-istorja, tlielaq eċċitanti u atmosfera elettrika fid-Duna Arena. Dawn kollha kienu parti mit-tielet ġurnata tal-kompetizzjoni tal-għawm fis-17-il edizzjoni tal-Kampjonati tad-Dinja fil-kapitali Ungeriża.

Fl-1,500 metru freestyle tan-nisa, Ledecky kompliet turi s-supremazija meta kisbet 12-il midalja tad-deheb fil-Kampjonati tad-Dinja tal-FINA u saret l-aqwa għawwiema mara fl-istorja tal-kategorija. Hi kkonfermat ruħha bħala l-aqwa fil-kategorija fejn il-mistoqsija kienet jekk hux se tagħmel ħin aħjar mhux jekk hux se tirbaħ.

L-Amerikana kienet ftit bogħod mir-rekord tad-dinja iżda kkontrollat it-tiġrija u rebħet faċilment b’ħin ta’ 15:31.82 u wara r-rebħiet fl-400 metru freestyle u r-relay 4×200 metru freestyle, l-għawwiema ta’ 20 sena għadha ma tilfitx tellieqa mill-2013. L-Ispanjola Mireia Belmonte spiċċat it-tieni b’ħin ta’ 15:50.89 filwaqt li Simona Quadarella tal-Italja temmet it-tielet tliet sekondi warajha.

Mingħajr ma rebaħ midalja, wieħed mill-eroj tal-ġurnata kien Adam Peaty tal-Gran Britannja li fil-50 metru breaststroke tejjeb il-ħin darbtejn. Fil-heats għamel ħin ta’ 26.10, biex fis-semifinali tejjeb il-ħin għal 25.95 biex sar l-ewwel għawwiem li għamel id-distanza f’anqas minn 26 sekonda.

Il-Kanadiża Kylie Masse kienet is-sorpriża pożittiva tal-ġurnata b’rekord dinji ta’ 58.10 sekonda fil-100 metru backstroke filwaqt li l-Amerikana Lilly King spikkat fil-100 metru breaststroke b’ħin ta’ 1:04.13. Iċ-Ċina ħallew id-Duna Arena b’żewġ midalji tad-deheb. Sun Yang rebaħ il-200 metru freestyle filwaqt li Xu Jiayu rebaħ il-100 metru backstroke.