Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ insib illegali

Nassab Għawdxi ingħata lura l-liċenzja wara li l-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-identita’ tiegħu ma’ kienitx stabbilita b’mod konklussiv.

Joseph Axiaq, magħruf bħala iċ-Champion, kien tressaq fuq akkużi ta’ insib illegali fil-limiti tal-Għarb, Għawdex f’Marzu tal-2016. Dan wara li membri tal-għaqda CABS sabu mansab illegali u ġibdu filmat fejn raġel, li kien mistoħbi, deher jaħrab minn fuq il-post.

Il-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex kienet sabet lil Axiaq ħati u kkundannatu jħallas multa ta’ €3,000 u kellu l-liċenzja sospiża għal sentejn.

Axiaq appella mis-sentenza, bid-difiża targumenta li bil-filmati li ntwerew, ma ġiex ippruvat lil hinn minn kull dubju raġjonevoli li r-raġel kien propju Axiaq.

Il-Qorti, preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, laqgħet dan l-appell u rrimarkat ukoll li l-uffiċjal tal-CABS li xehed fil-każ, deher li qaleb żewġ każi differenti li kienu qed jinstemgħu quddiem il-Qorti dakinhar.

Filwaqt li qablet bis-sħiħ mal-messaġġ mibgħut mill-Ewwel Qorti li l-illegalitajiet fil-kaċċa u l-insib mhux se jkunu tollerati, il-Qorti tal-Appell qalet li madanakollu, l-illegalita’ trid tkun ippruvata lil hinn minn kull dubju raġjonevoli  u f’dan il-każ partikolari, il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tagħmel dan.

L-Avukat Roberto Montalto deher għal Joseph Axiaq.