Futbol Sport

Michu jħabbar li se jirtira fl-età ta’ 31 sena

Michu spikka l-aktar ma' Swansea

L-attakkant Michu kien sfurzat li jirtira fl-età ta’ 31 sena. L-Ispanjol li lagħab darba mat-tim nazzjonali, sofra minn uġigħ persistenti fl-għaksa li wasslet lill-attakkant biex jibda biss 12-il darba ma’ Real Oviedo fit-tieni diviżjoni Spanjola l-istaġun li għadda.

“Skont rapporti mediċi, is-sitwazzjoni bħalissa tal-għaksa leminija waslet f’punt li se jkolli nsellem lill-karriera professjonali tiegħi. Minkejja li se nieqaf b’dieqa, naf li jien u l-futbol dejjem se nkunu magħqudin. Nirringrazzjakom minn qiegħ qalbi tal-mumenti maġiċi li tajtuni f’dan iż-żmien,” qal fid-dikjarazzjoni tiegħu.

Michu kien beda l-karriera ma’ Oviedo qabel ma’ ngħaqad ma’ Celta Vigo u Rayo Vallecano, u ma tal-aħħar skorja 16-il gowl f’37 logħba fl-istaġun 2011/2012, kampjonat li wassal biex Michu kompla l-karriera fl-Ingilterra.

Ma’ Swansea li dak iż-żmien kienu taħt Michael Laudrup, ħallsu ftit aktar minn €2 miljun, trasferiment li kien importanti għal Swansea hekk kif Michu skorja darbtejn fid-debutt tiegħu kontra QPR kif ukoll doppjetta kontra Arsenal. Michu skorja wkoll kontra Manchester United fiż-żewġ logħbiet, Chelsea u Tottenham, u spiċċa l-istaġun 2012/2013 bi 22 gowl.

F’dak l-istaġun, it-tim ta’ Laudrup kien spiċċa fid-disa’ post fil-Premier League u rebħu l-League Cup li kien l-ewwel unur maġġuri ta’ Swansea fl-istorja, b’Michu jiskorja fir-rebħa ta’ 5-0 fuq Bradford.

L-istaġun ta’ wara, Michu kien skorja fir-rebħa memorabbli ta’ 3-0 fl-Europa league fuq Valencia, minkejja li injury żammet lilu bogħod milli jkollu l-istess impatt daqs l-ewwel staġun.

Wara 28 gowl f’67 logħba, u b’Gary Monk jieħu post Laudrup, Michu ngħaqad ma’ Napoli b’self fl-Lulju tal-2014. Iżda mat-tim Taljan hu lagħab biss ħames logħbiet, minħabba numru ta’ injuries u wara li spiċċa mill-kuntratt ta’ Swansea, reġa’ mar jilgħab ma’ Oviedo.

Michu lagħab l-unika logħba mat-tim nazzjonali f’Ottubru tal-2013 fir-rebħa ta’ 2-1 kontra l-Belarus fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja.