Elezzjoni Kap PN Lokali

“Naqblu fuq free-vote fuq temi etiċi u morali” – Adrian Delia

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi stqarrija sostna li m’hemmx dubju li fil-Partit Nazzjonalista, id-djalogu dwar dak li jgħaqqadna u dak li jifridna dejjem ħa importanza kbira. Dan għaliex il-partit tagħna ilu jemmen u jeżerċita l-libertà tal-espressjoni sa mill-ħolqien tiegħu.

Adrian Delia sostna li hemm min irid jagħti l-Partit Nazzjonalista timbru, sostna li dawn it-timbri ma jfissru xejn għaliex il-Partit Nazzjonalista dejjem kien u hekk għandu jibqa’, it-tarka tad-demokrazija, iċ-ċentru tal-ideat li jsawru l-bniedem u l-ħajt għall-ħaddiem, hu ta’ liema ġeneru hu.

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jipproponi li jekk il-kunsilliera u t-tesserati tal-partit jagħżluh bhala Kap, jiftaħ diskussjoni immedjata fil-Grupp Parlamentari biex ikun deċiż liema huma t-temi ta’ natura etika u ta’ moralità li fuqhom il-partit jintrabat li jagħti free-vote fil-Parlament. Dan hu pass importanti sabiex kulħadd iħossu komdu mal-kuxjenza tiegħu u ħadd ma jsib ruħu taħt pressjoni li jrid jivvota kontra l-kuxjenza tiegħu.

Adrian Delia sostna li wara li jkunu deċiżi t-temi li fuqhom se jingħata free-vote fil-Parlament, imorru għand il-partit fil-gvern kif ukoll għand il-Partit Demokratiku u nħeġġuhom biex jingħaqdu magħna u huma wkoll jiddikjaraw free-vote fuq dawn it-temi.

Dan sabiex inneħħu l-politika partiġjana mill-voti fuq temi etiċi u morali.

Adrian Delia sostna li jemmen li dan hu Mod Ġdid kif immexxu fil-Partit Nazzjonalista u ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom vot f’dan il-proċess biex jivvutaw fuvur dan il-mod ġdid.