Internazzjonali

Tislima ta’ Linkin Park lil Chester Bennington

Il-grupp tar-Rock Amerikan, Linkin Park, ħareġ l-ewwel stqarrija uffiċjali tiegħu wara l-mewt tal-kantant, Chester Bennington, li l-katavru tiegħu nstab il-ġimgħa l-oħra f’dar fil-belt ta’ Los Angeles.

Il-Maġistrat Inkwerenti inkarigat mill-każ qal li l-indikazzjonijiet huma li Bennington kien għallaq lilu nnifsu u sħabu tal-Linkin Park, issa, stqarrew ‘li bilkemm għadhom jistgħu jniżżlu t-telfa ta’ ħabib b’talent straordinarju u li kien daħal f’qalb kulħadd – forsi aktar milli hu qatt irrealizza’.

Chester Bennington, li miet fl-età ta’ 41 sena, kien ibati bid-dipressjoni u kien hemm ukoll każi, fil-passat, fejn hu tkellem dwar il-ħsibijiet li kienu jiġuh dwar is-suwiċidju. Hu ħalla warajh sitt itfal – tlieta minnhom minn martu, Talinda.

Il-mewt ta’ Bennington, intant, kompla jistimola l-profil diġà għoli ta’ Linkin Park, bil-grupp mill-ġdid ‘jisplodi’ fil-klassifiki tal-albums u s-singles fir-Renju Unit, skont l-aħħar aġġornamenti tal-Official Charts Company.

Seba’ albums ta’ Linkin Park huma viċin li jidħlu fit-Top 40. L-album li kien iddebutta bih il-grupp, bl-isem Hybrid Theory ( 2001) fil-preżent jinsab it-tielet fl-album charts waqt li f’din il-klassifika sejrin tajjeb ħafna wkoll l-albums One More Light u Meteora.

Mistenni wkoll li tlieta mis-suċċessi singles ta’ Linkin Park ifeġġu mill-ġdid fl-ogħla postijiet tal-klassifika, b’In The End (li wkoll ħareġ fl-2001) mistenni jidħol fl-Aqwa Għaxra. Dan waqt li single ieħor, Numb, jinsab mill-ġdid fil-post numru tlieta tal-klassifika, b’Numb/Encore, il-kollaborazzjoni bejn Linkin Park u Jay-Z (tal-2004) tinsab fid-29 post.

Il-grupp Linkin Park kien iffurmat fl-1996 u biegħ ’il fuq minn 70 miljun album madwar id-dinja. Dan filwaqt li Chester Bennington u sħabu kienu onorat b’żewġ Grammy Awards fost is-snin ta’ suċċess enormi.