West Ham komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom meta ffinalizzaw it-trasferiment ta’ Javier Hernandez mingħand Bayer Leverkusen għal madwar €18-il miljun. L-internazzjonali Messikan wasal Londra t-Tnejn biex jagħmel l-eżami mediku u wara ffirma l-kuntratt ta’ tliet snin.
Skont sorsi fil-media Ingliża, l-attakkant se jsir l-aktar plejer imħallas fl-istorja tal-klabb fejn hu mifhum li se jkollu ftit anqas minn €160,000 fil-ġimgħa. “Ninsab kuntent li ngħaqadt ma’ West Ham. Għalija l-Premier League hu l-aqwa kampjonat fid-dinja u meta l-opportunità waslet, kont iddisprat li niffirma mal-klabb. Ma kinitx deċiżjoni diffiċli. West Ham hu klabb storiku u ambizzjuż ħafna u bil-plejers li akkwista qed jittama li jkollu staġun tajjeb,” qal il-Messikan.
Javier Hernandez lagħab għal erba’ staġuni ma’ Manchester United bejn l-2010 u l-2015 b’59 gowl skorjat minn 156 logħba, qabel ma’ mar b’self ma’ Real Madrid fl-istaġun 2014/2015.
Mar-Red Devils hu rebaħ żewġ kampjonat qabel ħalla Old Trafford fl-2015 biex mar il-Ġermanja ma’ Bayer Leverkusen fejn skorja 39 gowl f’76 logħba.
Hernandez sar ir-raba’ akkwist ta’ West Ham f’dan is-suq tat-trasferimenti wara l-akkwisti ta’ Pablo Zabaleta, Joe Hart b’self u Marko Arnautovic.
//= $special ?>