Lokali

Żewġ inċidenti b’logħob tan-nar fiż-Żurrieq

Il-ġimgħa li għaddiet, żagħżugħ sofra ġrieħi f’wiċċu wara li nħaraq xi logħob tan-nar.

L-inċident seħħ waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq meta ħa murtal żgħir fuq il-bejt tal-każin Queen Victoria.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalu li l-każ ma ġiex irrappurtat lill-Pulizija, li saret taf bil-każ mill-Isptar.

Każ ieħor ta’ inċident seħħ it-Tnejn filgħaxija fi tmiem ix-xalata tradizzjonali tal-istess festa meta raġel sofra xi ġrieħi f’saqajh minn xi materjal splussiv.

L-inċident kien seħħ fi Triq Pietru Pawl Saydon quddiem il-każin Laburista taż-Żurrieq, meta r-raġel kien għaddej miexi meta għaddiet vettura li minnha twaddab oġġett li beda jdaħħan li ftit wara sploda. Ir-raġel kellu jingħata l-kura f’Ċentru tas-Saħħa.

Minn stħarriġ li għamlet, il-Pulizija irnexxielha issib is-sewwieq tal-vettura li skont sorsi, ammetta li kien xegħel gassijiet mill-karozza iżda ċaħad li kellu xi logħob tan-nar ieħor magħruf bħala beraq.

Il-Pulizija mistennija tressaq is-sewwieq il-Qorti fil-jiem li gejjin.