Kunsilli Lokali Lokali

Dispjaċir mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li ma kienx ikkonsultat minn Transport Malta jew mill-Enemalta dwar l-arranġamenti tat-traffiku li se jsiru b’mod temporanju waqt ix-xogħol meħtieġ min-naħa tal-Enemalta fi Triq Lewis Wettinger, magħrufa aħjar bħala l-Bypass tal-Mellieħa.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali rrikonoxxa l-urġenza u l-bżonn tax-xogħol, għalkemm innota l-bżonn ukoll li jitħarsu l-interessi tar-residenti tal-lokalità, li se jintlaqtu ħażin b’dawn l-arranġamenti. Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa talab li qabel ma jibdew ix-xogħolijiet, issir laqgha ħalli jkun imminimizzat l-impatt fuq ir-residenti tat-toroq milquta.

Il-proġett tal-Enemalta se jwassal biex jinbidlu l-‘cables’ ta’ vultaġġ għoli li jwasslu l-elettriku għal Għawdex. Fil-ħidma tagħha, il-kumpanija se tqiegħed medda ta’ 10km ta’ ‘cables’ fi trinek taħt l-art fil-Mellieħa ħalli jitneħħew l-arbli għoljin bil-linji antiki li bħalissa jwasslu l-elettriku lejn Għawdex.

Dan se jfisser tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku minn din it-triq ewlenija, bil-Kunsill Lokali Mellieħi issa qed jiddikjara d-diżappunt tiegħu li ma kienx ikkonsultat dwar it-tibdil meħtieġ.