#muscatgate Lokali

FILMAT: Il-Qorti tilqa’ t-talba għal investigazzjoni kriminali dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi taħt investigazzjoni kriminali

Aġġornata

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex tiftaħ inkjesta kriminali dwar il-Panama Papers, u dan ifisser li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi, issa tpoġġew mill-Qorti taħt investigazzjoni kriminali.

Ir-rikors mill-Kap tal-Oppożizzjoni tressaq fl-14 ta’ Lulju li għadda fejn il-Qorti tal-Maġistrati kienet ġiet mitluba tiftaħ investigazzjoni kriminali wara li Keith Schembri u Konrad Mizzi nqabdu b’kumpaniji fil-Panama biex fihom ipoġġu b’miljun ewro fis-sena f’commissions.

Fir-rikors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Qorti tinvestiga jekk dan jammontax għal reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus. Dalgħodu, il-Maġistrat Ian Farrugia qal f’digriet, li l-prerekwiżiti għal investigazzjoni kriminali minn Maġistrat ieħor ġew sodisfatti. Filfatt, issa jmiss li jitla’ Maġistrat bil-polza sabiex ikun jista’ jibda l-investigazzjoni kriminali kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Meta ressaq ir-rikors f’nofs Lulju, Simon Busuttil qal li kien qed jagħmel it-talba biex issir ġustizzja, ladarba la l-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma għamlu dak li messhom għamlu. Żied jgħid li l-elezzjoni ġenerali ma tfissirx li l-ġustizzja m’għandiex issir għax l-elezzjoni mhix skuża biex reati kriminali jintesew jew jinkinsu taħt it-tapit.

Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti li tpoġġi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri taħt investigazzjoni kriminali. Ir-rikors, meta tressaq f’nofs Lulju, kien iffirmat mill-Avukat Jason Azzopardi u Kris Busietta.

Il-Gvern jirreaġixxi billi juża l-Pulizija biex jagħlaq ħalq il-Kap tal-Oppożizzjoni

Filwaqt li l-Qorti qalet li sabet biżżejjed biex tpoġġi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri taħt investigazzjoni kriminali, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għadu qed jinsisti li juża l-Pulizija biex jagħlaq ħalq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Id-deċiżjoni ta’ Keith Schembri li jitlob lill-Pulizija jieħdu passi kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni kienet kritikata fuq livell Ewropew mill-Partit Popolari Ewropew u miċ-Chairperson tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber.

“Il-PN se jibqa’ jistinka sakemm terġa’ ssaltan il-ġustizzja” – Jason Azzopardi

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja u l-Kostituzzjoni Jason Azzopardi spjega l-proċess legali li wassal biex illum, il-Maġistrat Ian Farrugia ddeċieda li Maġistrat ieħor jibda jinvestiga kriminalment l-involviment ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fl-iskandlu tal-Panama Papers. Il-Maġistrat issa se jintgħażel bil-polza wara li jgħaddu jumejn li fihom Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll persuni oħra msemmija fir-rikors bħall-Prim Ministru Joseph Muscat, Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, kif ukoll Malcolm Scerri u Adrian Hillman, jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni ta’ llum.

Jason Azzopardi spjega li l-persuni in kwistjoni provaw jostakolaw il-proċess tal-ġustizzja b’risposti li pruvaw jikkonvinċu lill-Maġistrat biex ma jiftaħx investigazzjoni. Madanakollu, l-provi kollha li hemm fl-iskandlu tal-Panama Papers huma b’saħħithom biżżejjed li kkonvinċew lill-Maġistrat biex jiftaħ din l-inkjesta. “Ħadd ma jista’ jgħid li ma hemmx provi, għaliex f’kull ċirkostanza li l-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Maġistrat jiftaħ investigazzjoni, it-talbiet ġew milqugħa minħabba l-provi mressqa,” qal Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi qal li d-deċiżjoni tal-lum tpoġġi dell ferm ikrah fuq il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, li minkejja li kellhom f’idejhom l-istess provi, għal aktar minn sena, għażlu li jgħalqu għajnejhom u ma fetħu ebda investigazzjoni. Hu qal li jistenna li kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali jagħtu r-reazzjoni tagħhom għad-deċiżjoni tal-lum u jerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilhom.

Ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja u l-Kostituzzjoni temm jgħid li minn tal-anqas, bid-deċiżjoni tal-lum, kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi għandhom jirriżenjaw mill-kariga pubblika li jokkupaw. F’pajjiż normali, sostna Azzopardi, anke l-Prim Ministru, li hu l-aktar persuna qrib tagħhom, kien jirriżenja, iżda kulħadd jaf li fejn tidħol il-ġustizzja, Malta mhijiex pajjiż normali.

Huwa għalhekk, li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistinka sakemm terġa’ ssaltan il-ġustizzja f’pajjiżna, temm jgħid Azzopardi.