Formula 1 Sport

FORMULA 1 – Vettel u Bottas bl-aktar postijiet fuq il-podju sa nofs l-istaġun

It-tliet sewwieqa li attwalment qed jokkupaw l-ewwel tliet pożizzjonijiet fil-klassifika ġenerali: Vettel (fin-nofs), Hamilton (xellug) u Bottas (lemin). Huma spiċċaw fuq il-podju flimkien f’żewġ okkażjonijiet.

Hekk kif ninsabu f’nofs l-istaġun tal-Formula 1 wieħed jibda jagħmel l-ewwel analiżi tiegħu.

Dan l-istaġun jidher li se jkun wieħed aktar missielet aktar mill-istaġun li għadda u li hu żgur hu li se jkollna champion ġdid wara li sena ilu Nico Rosberg, kien irtira ftit jiem wara li rebaħ it-titlu mondjali.

S’issa saru 10 Grand Prix u s-sewwieq tal-Ferarri Sebastian Vettel u s-sewwieq tal-Mercedes Valtteri Bottas huma l-aktar żewġ sewwieqa li kisbu post fuq il-podju.

Huma spiċċaw mal-ewwel tlieta seba’ darbiet filwaqt li s-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton spiċċa sitt darbiet fuq il-podju. Grazzi għal dawn ir-riżultati Vettel jinsab fil-quċċata tal-klassifika ġenerali b’177 punt filwaqt li Hamilton għandu punt inqas minnu. Fit-tielet post wieħed isib lil Bottas li fl-ewwel sena tiegħu mal-Mercedes qed jispikka ferm aktar milli kien mistenni.

Vettel kieb beda l-istaġun bil-kbir hekk kif fl-ewwel sitt tlielaq dejjem kiseb post fuq il-podju bi tlieta minnhom ikunu fl-ewwel post. Kien biss wara dawn it-tlielaq li hu naqqas mir-ritmu.

Għall-kuntrarju Bottas żied fir-ritmu aktar ma beda joqrob is-sajf u s’issa kiseb żewġ rebħiet li qed ikomplu juru l-għażla tajba li għamlu l-Mercedes meta dawn ħatruh biex jieħu post Rosberg.

L-aktar sewwieq li kiseb rebħiet s’issa hu Hamilton. Hu temm fl-ewwel post f’erbat itlielaq imma umbagħad ma kienx konsistenti daqs iż-żewġ rivali tiegħu u spiċċa darbtejn oħra fuq il-podju hekk kif temm fit-tieni post fil-Grand Prix tal-Awstralja u tal-Bahrain.

L-aktar sewwieq li spiċċa fit-tieni post hu Vettel tal-Ferrari filwaqt li l-aktar sewwieq li spiċċa fit-tielet post hu Daniel Ricciardo tar-Red Bull.

Ta’ min jinnota li kiebu biss darbtejn l-okkażjonijiet fejn Bottas, Vettel u Hamilton spiċċaw mal-ewwel tlieta flimkien. L-aħħar darba li dan seħħ kien waqt il-Grand Prix tal-Bahrain.

Il-Grand Prix li jmiss hu dak ta’ nhar il-Ħadd li ġej fl-Ungerija.

Ir-riżultati s’issa huma:
GP Awstralja: Vettel, Hamilton, Bottas
GP Ċina: Hamilton, Vettel, Verstappen
GP Bahrain: Vettel, Hamilton, Bottas
GP Russja: Bottas, Vettel, Raikkonen
GP Spanja: Hamilton, Vettel, Ricciardo
GP Monaco: Vettel, Raikkonen, Ricciardo
GP Kanada: Hamilton, Bottas, Ricciardo
GP Ażerbajġan: Ricciardo, Bottas, Stroll
GP Awstrija: Bottas, Vettel, Ricciardo
GP Renju Unit: Hamilton, Bottas, Raikkonen