Apparti s-somma ta’ €70 miljun fis-sena lill-Vitals Global Healthcare għall-użu ta’ sodod fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar San Luqa u l-isptar Karen Grech, il-Gvern se jkollu jħallas għal spejjeż mediċi oħra.
Irrappurtat dan il-gazzetta Times of Malta, li kompliet tiżvela partijiet mill-kuntratti li ffirma l-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare. Il-kuntratti kienu ppubblikati mill-Gvern f’Ottubru li għadda b’partijiet sħaħ minnu ċċensurati.
Fil-jiem li għaddew, The Times żvelat li l-Gvern se jkollu jħallas mas-€70 miljun fis-sena, jew inkella €2 biljun fuq tletin sena, għall-użu mill-Gvern ta’ sodod fit-tlett sptarijiet privatizzati.
Imma skont l-aktar rapport riċenti ta’ The Times, is-somma ta’ €70 miljun fis-sena ma tinkludix spejjeż mediċi oħra marbuta ma’ kull sodda mikrija li l-Gvern se jkollu jħallas.
Filfatt, il-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Vitals Global Healthcare jgħid li l-Gvern irid iħallas għal “spejjeż addizzjonali ta’ provvisti mediċi u oħrajn tal-farmaċewtika”.
The Times iżżid tirrapporta li dan jikkuntrasta ma’ dak li qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne stess fil-jiem li għaddew, meta qal li l-prezz għal kull sodda li qed jikri l-Gvern mingħand Vitals Global Healthcare jinkludi wkoll il-provvisti mediċi.
Filwaqt li Vitals Global Healthcare huma obbligati li jinvestu €220 miljun fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex, San Luqa u Karen Grech, għandhom moħħhom mistrieħ li se jitħallsu mit-taxxi tal-Maltin €2 biljuni fuq tletin sena għall-kiri ta’ sodod mill-Gvern Malti.
L-‘ultimate beneficial owners’ ta’ Vitals Global Healthcare mhumiex magħrufa.
//= $special ?>