Lokali

Il-Ħabs f’morsa – sitwazzjoni ta’ disperazzjoni fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin

“Ħadd mhu jbati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin daqs il-priġunieri li intortament qed isofru mill-inkompetenza grassa tal-Gvern li għal darba oħra qed jagħżel li jagħmel ballun politiku mill-istess priġunieri.

“Diġà ripetutament tkellmu f’isem il-priġunieri għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi li b’xi mod jew ieħor jaħdmu f’dan il-qasam daqstant diffiċli u sensittiv, iżda ma kien hemm l-ebda titjib u s-sitwazzjoni, bil-mod il-mod, qed tkompli teskala.

“Il-priġunieri kemm se jdumu jkunu trattati taż-żibel? Għaliex xi ħadd jikser ir-regoli allura jeħel kulħadd. Għaliex qabel l-elezzjoni kien hemm min wiegħed ħafna lil ċerti priġunieri u issa jirriżulta li daħak bihom sempliċiment biex ‘serqilhom’ il-vot, issa min għamel dawn il-wegħdi sparixxa minn ċerti taqsimiet tal-Ħabs.”

Din kienet dikjarazzjoni iebsa li għamlet mara li għandha s-sieħeb tagħha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-istorja kienet pubblikata llum fil-ġurnal in-Nazzjon.

Il-mara qalet li s-sieħeb tagħha ma kellux daqstant il-problema tad-droga qabel daħal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda llum taf li jfittex id-droga mill-Faċilità stess u jinqeda.

“Aħna ddispjaċuti ħafna bil-mod kif il-priġunieri qed ikunu trattati u ddispjaċuti ħafna aktar għaliex ma nistgħu nagħmlu xejn.”

In-nazzjon jirraporta li l-mara qalet li meta jkollha l-contact visit mas-sieħeb tagħha, il-Gwardjani jfittxulha minn fuq sa isfel. “Jaħsbuni li se ndaħħal xi droga. Fil-verità bil-mod kif ikunu qed ifittxulna jumiljawna.

“Spiss iwasslu fina li ndaħħlu d-droga waqt il-contact visits, iżda s-suspett tagħna hu li d-droga qed tiddaħħal mod ieħor, it-Tmexxija taf kif iżda għal xi raġuni passi ma jitteħdux.”

Din il-mara kompliet li hi taf tajjeb kif Gwardjani Laburisti jkunu trattati mod, iżda oħrajn ikunu trattati mod ieħor. “Anki bejn Gwardjani Laburisti stess jiddiskriminaw. Hemm Gwardjani Laburisti li jagħmlu li jridu u għandhom ħafna arja, u hemm oħrajn li huma kwieti u jżommu posthom. Dawn li huma meqjusa bħala Gwardjani Nazzjonalisti huma mwarrba u ma humiex fdati.”

Dwar dan kollu u dwar dak li qed jiġri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, In-Nazzjon talab ukoll il-kummenti ta’ Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Hu irrifera għal dak pubblikat fil-media f’dawn il-jiem, fosthom fil-gazzetta il-mument tal-Ħadd li għadda, u qal li dan kollu hu konferma ta’ kif is-sitwazzjoni fil-Ħabs illum iddeterjorat sal-punt li flok il-pajjiż għandu faċilità fejn ħabsin jirriformaw ruħhom, għandna ħabs infestat bid-droga.

Beppe Fenech Adami nsista li l-Ministru Michael Farrugia jagħti spjega kif fil-Ħabs illum hemm sitwazzjoni fejn il-konsum tad-droga hu wieħed kbir u l-awtoritajiet bħal donnu ma għandhom ebda soluzzjoni kif tiġi indirizzata din il-problema.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista enfasizza li l-Ministru Michael Farruia għandu jispjega min hu responsabbli għal din is-sitwazzjoni gravi li żviluppat taħt għajnejh fi ftit ġimgħat.

“Il-ħabsin u l-qraba tagħhom għandhom dritt li jkollhom rashom mistrieħa li kull min hu fil-Ħabs, ma jispiċċax hu wkoll vittma tal-konsum tad-droga. Min qiegħed il-Ħabs għandu dritt għal ambjent nadif mid-droga u l-abbuż. Għandu dritt li jkollu moħħu mistrieħ li min qiegħed wara l-provvista tad-droga jinqabad u ssir ġustizzja miegħu.”

Beppe Fenech Adami kompla li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-leħen ta’ min jistħoqqlu protezzjoni mill-abbuż u l-ksur tal-liġi. Se jibqa’ viċin il-ħabsin li, minkejja li żbaljaw, iridu jirriformaw ruħhom.

Sadattant In-Nazzjon illum jista’ jkompli jiżvela kif priġunieri sentenzjati u oħrajn li qed jistennew li jkunu proċessati u li bħalissa huma residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qed jispiċċaw vittma diretta jew indiretta tas-sitwazzjoni xejn feliċi u mill-aktar imwiegħra fl-istess Faċilità Korrettiva.

Priġunieri eliġibbli għall-vot u li fil-ġimgħat immedjati ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali kienu mwiegħda l-ilma jiżfen, illum huma litteralment abbandunati u konxji li min wegħedhom il-ħafna, għamel dan biss biex sempliċiment ‘serqilhom’ il-vot tagħhom.

Waħda mill-pjagi l-kbar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hi dik marbuta mad-droga u d-droga sintetika fid-diversi taqsimiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-problema hi waħda qawwija ħafna u jista’ jingħad li l-awtoritajiet tal-Faċilità f’dan ir-rigward mhux biss tilfu kull battalja iżda llum is-sitwazzjoni ħarbet minn kull kontroll.

Meta lbieraħ erġajna tkellimna mas-sorsi tagħna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, reġa’ kien konfermat lilna li fl-aħħar żminijiet, l-affarijiet mill-bibien ‘il ġewwa tal-Faċilità ħżienu b’ritmu mgħaġġel ħafna.

Waħda mir-raġunijiet hi li bħal donnu t-Tmexxija attwali tal-Faċilità bħal tilfet kull interess fix-xogħol li kienet qed tagħmel wara li kien żvelat il-ħsieb tal-Ministru Michael Farrugia u dawk ta’ madwaru li d-Direttur tal-Faċilità – Paul Debattista – jittajjar mill-kariga li kellu u minfloku jinħatar l-eks-Spettur Mario Calleja li jokkupa wkoll il-kariga ta’ Sindku Laburista f’Wied il-Għajn.

Paul Debattista, li aħna dejjem iddeskrivejnih bħala persuna integra u serja – eks-Fizzjal fil-Korp tal-Pulizija – waslulu d-dettalji ta’ manuvri li qed jinħmew minn terzi fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li fost l-oħrajn jaħsbu biex hu jitwarrab bil-pulit u postu jieħdu l-eks-Spettur Maro Calleja.

Paul Debattista jistqarr li minn meta l-Ministru Carmelo Abela ħatru Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, hu dejjem għamel dak kollu li seta’ u aktar biex il-Faċilità ma tibqax fl-istat diżastruż li sabha hu.

Ma’ dawk viċin tiegħu jistqarr li hu wiret Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fi stat mill-aktar diżastruż f’kull sens u tul it-tmexxija tiegħu ddaħħlu ossieġnu u arja ġdida fost il-ħaddiema/Gwardjani tal-Faċilità kif ukoll sens ta’ aktar fiduċja fost il-priġunieri.

Minkejja kollox, jidher li għall-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat dan kollu ma jgħodd xejn u l-Ministru Michael Farrugia – tabib li ma jifhem assolutament xejn la fil-kamp tal-Intern u wisq inqas fil-kamp tat-tmexxija ta’ ħabs – qiegħed jissokta bil-pjani tiegħu li Paul Debattista jitwarrab bil-pulit u jingħata l-ġenb.

Meta fil-jiem li għaddew kien bil-frank, kemm-il darba rċieva telefonati minn subalterni tiegħu dwar sitwazzjoni jew oħra. Mariella Camilleri, li suppost hi l-assistenta diretta ta’ Paul Debattista, qed jingħad li se tintbagħat fit-taqsima YOURS fil-Baħrija biex hemmhekk tmexxi direttament hi din it-taqsima filwaqt li tħalli vakat ir-rwol li kienet tassumi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Jidher mill-aktar evidenti l-ħsieb tal-Gvern preżenti li jkollu kontroll ferm akbar fuq il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u dan billi fit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni jkun hemm persuni kkunsidrati bħala ta’ ġewwa fil-familja tagħna lkoll.

Sorsi ta’ In-Nazzjon fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qalu li s-sitwazzjoni xejn feliċi fil-Faċilità irrendiha l-Gvern preżenti nnifsu meta għamel mill-post ballun politiku. Sa ftit ġimgħat biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali, iddaħħlu għadd ġmielu ta’ Gwardjani li l-parti l-kbira tagħhom – biex ma jingħadx kważi kollha – huma Laburisti, fosthom Laburisti li kienu mdejqa u mxebba bit-tmexxija tal-Gvern li allura ‘xtrawlhom’ il-vot tagħhom.

Illum fil-Faċilità hemm ħafna Gwardjani inkompetenti iżda Laburisti ferventi, u ferm u ferm inqas Gwardjani tajbin u serji li iżda huma mogħtija l-ġenb.

Hemm Gwardjani Laburisti li wiegħdu l-ilma jiżfen lil ċerti priġunieri qabel l-Elezzjoni Ġenerali u Laburisti li llum jiftaħru li jistgħu jagħmlu li jridu għaliex “il-Gvern tagħna u ħadd ma jista’ għalina”.

Grazzi għan-nuqqas serju ta’ professjonalità f’dan ir-rigward, illum il-ġurnata s-sitwazzjoni tal-kontroll tad-droga u fuq id-droga sintetika ntilef għalkollox. Il-preżenza tad-droga u tad-droga sintetika hu prattikament f’kull taqsima tal-Faċilità, inkluż fit-taqsimiet l-aktar sensittivi u ta’ massimu kontroll.

It-Tmexxija tal-Faċilità jidher li qed tabdika minn ħidmietha f’din il-ġlieda u taf tajjeb li d-droga fil-Faċilità qed tiddaħħal jew permezz tal-kuntatt fiżiku bejn viżitaturi u priġunieri; jew minn priġunieri waqt li jkunu barra għal xi raġuni jew oħra; jew minn ħaddiema fil-Faċilità jew inkella meta jiddaħħlu provvisti jew servizzi għall-istess Faċilità. It-tiftix li qed isir qajla qed jirreġistra xi tip ta’ suċċessi u xhieda ta’ dan huma priġunieri fil-pussess ta’ droga jew taħt l-effett tagħha; xeni komuni ta’ priġunieri jaqilbu għajnejhom kaġun tal-effett tad-droga; u priġunieri bi ġrieħi friski fuq il-ġisem tagħhom xhieda li jkunu għadhom kemm abbużaw mid-droga.

Is-sorsi ta’ In-Nazzjon komplew li l-fiduċja tagħhom fis-serjetà tat-Tmexxija tal-Faċilità tintilef kompletament meta jsiru testijiet fl-urina ta’ priġunieri li evidentement ikunu abbużaw minn xi tip ta’ sustanzi, u dawn it-testijiet jirriżultaw negattivi!  “Hawnhekk kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu… priġunieri taħt l-effett tad-droga u bil-provi jsirulhom testijiet għad-droga… u dawn jinħarġu negattivi!”

Il-problema tad-droga mifruxa fit-taqsimiet prattikament kollha tal-Faċilità hi waħda kbira u sa dawn il-jiem stess instabet siringa fit-Taqsima tan-Nisa.

Madankollu jidher li llum il-ġurnata l-priġunieri bħal qisu għandhom

aċċess għal kulma jdaħħlu f’rashom li jkollhom fiċ-ċella tagħhom u dan mingħajr kontroll effettiv.

Saħansitra fl-istess Taqsima tan-Nisa ftit tal-jiem ilu, waqt tiftix li sar, sa flixkun tal-inbid instab. Apparti mill-mistoqsijiet dwar kif dan il-flixkun sab lilu nnifsu fil-fost fejn instab, żgur li dan seta’ kien ta’ periklu kbir jekk xi ħadd seta’ kellu t-tentazzjoni li jkissru u jagħmel il-ħsara fuqu nnifsu… Jew inkella jkissru u jaggredixxi lil xi priġunier ieħor jew lil xi Gwardjan tal-Faċilità.

Is-sitwazzjoni fil-Faċilità qed tkompli taħrab minn kull kontroll sal-punt li fil-jiem li għaddew kien deċiż li jsiru testijiet fuq għadd ta’ priġunieri li kienu mġandrin bid-droga li kkonsmaw. Dan wassal għal inkwiet żgħir fuq dimensjoni mhux kbira fil-Faċilità.

Priġunieri bdew jipprotestaw għall-mod kif kienu trattati u f’Diviżjoni 13 bdiet tinġema ħafna rabja. Diviżjoni 13 hi diviżjoni ta’ iżolament mill-kumplament tad-Diviżjonijiet l-oħra u minnha ma jista’ joħroġ ħadd.

Minħabba f’dak li kien qiegħed jiġri l-Pulizija ssejħu biex joqogħdu stand by u dan minħabba l-biżgħa li s-sitwazzjoni setgħet teskala ruħha.

Is-sorsi komplew jgħidu li  l-Aġent Direttur Mariella Camilleri ma kenitx taf x’se taqbad tagħmel u għalhekk ċemplet lid-Direttur Paul Debattista biex jiggwidaha fiċ-ċirkostanzi. Hawnhekk ħareġ bl-aktar mod ċar kemm din Mariella Camilleri ma għandha l-ebda esperjenza u kapaċità f’xogħol u fi rwol sensittiv li tokkupa.

Is-soluzzjoni għal dak li kien qiegħed jimmatura f’Diviżjoni 13 kien li l-priġunieri kollha – tat-taqsimiet kollha – jinżammu magħluqin u għalhekk imsakkrin ġewwa bil-konsegwenzi kollha li wieħed jista’ jaħseb dwarhom fl-eqqel tas-sajf.

Il-biża’ f’dan ix-xenarju kollu kien li setgħu jweġġgħu xi priġunieri u dan minħabba li bħalissa l-Faċilità hi servuta biss minn tabib wieħed li jrid ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-priġunieri kollha 24/7… fi ftit tal-kliem mistenni mingħandu li jagħmel il-mirakli. Din is-sitwazzjoni immaturat wara li wieħed mit-tobba li kien iservi għal ftit sigħat fil-ġimgħa fil-Faċilità, ħareġ bil-frank u għal xi raġuni falliet is-sistema ta’ tobba li jkunu jservu lill-priġunieri tramite l-kuntrattur li l-kuntratt tiegħu ma kienx imġedded.

Vetrina ċara u xhieda konkreta tas-sitwazzjoni mwiegħra fil-Faċilità Korrettiva tal-Kordin, tibqa’ l-Kċina tal-istess Faċilità. Hi fi stat tal-biki u tal-mistħija u hi ta’ nsult għal dawk kollha li jingħataw l-ikel minnha.

L-ambjent hu wieħed mill-aktar degradanti u l-kwalità tal-ikel hi waħda li qed tkun inferjuri… dejjem l-istess menu u l-junk food sar l-ordni tal-ġurata… l-importanti li jkunu ffrankati l-flus minn fuq dahar il-priġunieri.

Is-sorsi li tkellmu magħna staqsew kif is-Sanità qatt ma jżuru din il-Kċina u jagħmlu analiżi serja tagħha!  Imbagħad l-istess membri tas-Sanità jintbagħtu jżuru kċejjen mill-aqwa ta’ ristoranti u għaliex isibulhom l-iċken difett, arahom jagħmlu plejtu sħiħ u ħafna theddid li jagħlqu l-istess negozju!